Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li, grazzi għall-politika progressiva ta’ Gvern Laburista, l-ekonomija ta’ pajjiżna kompliet tikber u l-poplu kompla jimxi ’l quddiem.
Dr Abela kompla jgħid li għalhekk, illum aktar minn qatt qabel, nistgħu nitkellmu b’mod aktar konkret dwar il-wellbeing tal-poplu. Saħaq li l-wellbeing ifisser ukoll investiment dirett fin-nies, filwaqt li enfasizza li d-dħul u l-ġid huma fatturi importanti għall-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru tenna li Gvern Laburista se jibqa’ joħloq il-ġid, ġid li jkompli jinfirex bejn kulħadd permezz tal-miżuri mħabbra, kif ukoll dawk li se jkomplu jitħabbru fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin.
Huwa qal dan hekk kif ħabbar għadd ta’ miżuri oħra li jiffurmaw parti mill-manifest elettorali “Int Malta”.
Dr Abela semma li l-finanzi tal-pajjiż jippermettu li Partit Laburista fil-Gvern ikompli jippremja aktar lil kull min jaħdem, għaliex ix-xogħol tal-ħaddiema huwa kruċjali biex pajjiżna jimxi ’l quddiem.
Fakkar kif, fis-snin li għaddew, il-ħaddiema bdew jirċievu ċ-ċekk li jippremja l-bżulija, filwaqt li grazzi għall-bidliet li diġà saru, illum hawn eluf ta’ persuni li ma jinqabdux bit-taxxa. Dan filwaqt li persuni b’komputazzjoni singola qed igawdu wkoll mit-twessigħ tat-tax brackets.
Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Prim Ministru ħabbar li l-ħaddiema kollha se jibbenefikaw minn bonus annwali ta’ €1,000 fis-sena. Dawk kollha li għandhom dħul annwali ekwivalenti jew aktar mill-paga minima, inkluż self-employed u min jaħdem part-time, se jibbenefika minn dan il-bonus b’saħħtu. Spjega wkoll li dawk li jaħdmu part-time bi dħul annwali ta’ inqas minn €12,000 fis-sena se jibbenefikaw minn bonus pro-rata, li ma jkunx inqas minn €500.
Irridu li n-negozji li jsaħħu dejjem aktar l-operat tagħhom, li jagħmlu profitti sostenibbli u li jinvestu dejjem aktar fil-ħaddiema u n-negozju tagħhom. Fl-aħħar snin ħaddimna diversi skemi u inċentivi biex in-negozji jibqgħu jinvestu u jikbru. Dr Abela qal li tali sostenn se jkun qed ikompli jissaħħaħ, b’hekk kumpaniji b’turnover sa inqas minn miljun ewro fis-sena, ser jibdew jiġu ntaxxati b’rata ta’ 25%, minflok ir-rata ta’ bħalissa ta’ 35%. Huwa speċifika li biex dan japplika l-kumpanija trid tkunu tħaddem persuni f’Malta.
Il-Prim Ministru tenna li għal darb’oħra ċ-Children’s Allowance se jkunu qed jerġgħu jiżdiedu. Dan hekk kif fuq leġiżlatura se jkun qed jiżdied mill-anqas €250 għal kull wild fis-suppliment li jitħallas lill-familji bi dħul ta’ anqas minn €40,000.
Huwa ta ukoll garanzija li għall-In-Work Benefit fuq leġiżlatura se jiżdiedu r-rati b’mill-anqas b’€150 fuq kull wild lill-familji li jibbenefikaw, waqt li fil-każ ta’ koppji li ġenitur wieħed jaħdem ikunu qed jiżdiedu r-rati b’€100 oħra addizzjonali.
Il-Prim Ministru Abela ħabbar li Gvern Laburista jkompli jsaħħaħ l-Housing Benefit Scheme – skema li tgħin lil dawk li jikru mill-privat, b’sussidji li jgħinu lil dawk li jikru post li jservi bħala r-residenza primarja tagħhom. L-ammont ta’ benefiċċju huwa kkalkulat abbażi tad-dħul. Sabiex tkompli tissaħħaħ il-mobbilità soċjali, dawk l-applikanti li wara r-reviżjoni tad-dħul li ssir kull sentejn bħala parti mill-proċess tal-Housing Benefit Scheme ma jibqgħux eliġibbli minħabba li d-dħul tagħhom eċċeda dak stipulat fl-iskema, ser jingħataw inċentiv ta’ darba fejn l-applikanti jibqgħu jirċievu s-sussidju li iżda jonqos gradwalment fuq sentejn, sakemm issir r-reviżjoni ta’ wara. Fl-ewwel sena l-benefiċċju jonqos b’50% ta’ dak li l-applikant kien jirċievi u fit-tieni sena jonqos b’25% oħra.
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li fi spazju ta’ ftit snin il-Gvern se jkun ħalla xejn inqas minn €500 miljun fil-bwiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, filwaqt li d-deficit ta’ pajjiżna kompla jonqos b’mod konvinċenti taħt it-2%. Huwa spjega wkoll li s-super bonus imħabbar se jilħaq madwar 175,000 ħaddiem Malti u Għawdxi, inklużi self-employed, studenti li jaħdmu u pensjonanti li għadhom fid-dinja tax-xogħol.
Id-Deputat Ramona Attard sostniet li dawn il-miżuri mhumiex biss ċifri, iżda inizjattivi li jinħassu fil-bwiet tan-nies u li jaffettwaw direttament il-ħajja ta’ kuljum tal-familji Maltin u Għawdxin. Hija żiedet li permezz taż-żieda fl-in-work benefits, il-Gvern qed jibgħat messaġġ ċar li min jaħdem għandu dejjem ikun aħjar u dejjem ikun sostnut.


