Sunday, November 24, 2024

“Se nibqgħu noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol”

- il-Prim Ministru f’laqgħa mal-membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-GWU

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ħolqien tal-opportunitajiet, l-għajnuna u l-investiment fin-nies u aktar riformi li bihom jissaħħu d-drittijiet fosthom tal-ħaddiema jibqgħu tliet prinċipji li se jibqgħu jitħaddnu f’ħidmietna. Kien dan il-messaġġ li fuqu bena l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-membri tal-Kunsill Nazzjonali tal-General Workers’ Union (GWU).

Fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li “se nibqgħu noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol. Nibqa’ nsostni li x-xogħol mhux biss jagħti d-dinjità imma hu l-iprem ċavetta tal-mobilità soċjali.”

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll fuq l-importanza li l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali jimxu id f’id. Fl-istess waqt tenna li dan il-Gvern se jibqa’ jappoġġja lill-ħaddiema kollha u dan billi ma jinxteħtux aktar piżijiet fuqhom.

Kien hawn fejn tkellem dwar l-għajnuna li qed tingħata favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. “Din l-għajnuna hija l-ikbar miżura li qed jieħu l-Gvern billi ma jitfax il-piżijiet fuq il-familji. Din hi politika li twieżen lill-membri tagħkom”, irrimarka l-Prim Ministru mar-rappreżentanti tal-ħaddiema hu u jinnota li din il-politika ta’ għajnuna li qed imexxi biha l-Gvern trid tneħħiha l-Oppożizzjoni.

Il-Prim Ministru spjega wkoll li l-investiment fin-nies irid jibqa’ marbut ma’ ħidma oħra li tgħin fid-dħul tal-ħaddiema. Hawn irrefera għal bosta miżuri mwettqa u msaħħa fosthom l-in-work benefit, li permezz mhux biss tat-twessigħ tiegħu iżda saħansitra żieda, ra mal-ħames darbiet aktar ħaddiema jgawdu mid-dħul tagħhom. Dan imqabbel ma’ ftit tas-snin ilu.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-in-work benefit se jkompli jitjieb fil-Budgets li ġejjin kif imwiegħed fil-programm ta’ ħidma ‘Malta Flimkien’. Semma wkoll il-garanzija għat-tfal fosthom iż-żidiet fiċ-children’s allowance li diġà ngħataw u se jkomplu jingħataw.

Dwar il-ġustizzja soċjali u dik fis-settur tax-xogħol il-Prim Ministru rrimarka għal aktar bidliet u riformi li qed jitwettqu biex ikomplu jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema. Hawn semma t-tisħiħ fil-leave tal-ġenituri u tal-carers’, ir-riforma tal-platform workers u t-twaqqif tal-Low Wage Commission, li l-għan tagħha hu li tagħmel reviżjoni tal-paga minima nazzjonali.

Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ wkoll l-esperjenzi ta’ tant ħaddiema li l-membri tal-Kunsill jirrappreżentaw u filwaqt li wassal kelma ta’ kuraġġ, apprezza ħidmet ir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jaħdmu favur l-interessi tal-impjegati.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, filwaqt li laqa’ lill-Prim Ministru, tkellem dwar il-bżonn li jkun aktar investiment f’dak li jirrigwardja t-taħriġ matul il-ħajja. “La d-dinja tax-xogħol qed tinbidel, il-kompetenzi u l-abilitajiet tal-ħaddiema jridu jinbidlu. Ma’ dan norbot dejjem is-saħħa mentali u l-bilanċ bejn il-ħajja personali u x-xogħol,” qal is-Sur Bugeja.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied jgħid li “ninsabu kburin bid-djalogu soċjali b’saħħtu u l-investiment li qed isir fih. Konxji minn dan it-tibdil fid-dinja tax-xogħol, għalhekk nisħqu li l-Gvern jagħmel liġijiet u strutturi li jissalvagwardjaw lill-ħaddiema u dak kollu miksub matul is-snin.

Minħabba li s-suq tax-xogħol kiber, nibqa’ nisħaq favur sħubija awtomatika fi trejd unjin tal-għażla tal-individwu.”

Qabel l-indirizz fil-Kunsill, li għalih attendew ukoll il-Ministri Silvio Schembri u Miriam Dalli, il-Prim Ministru ltaqa’ mat-tmexxija tal-GWU u s-Segretarji ta’ taqsimiet rispettivi.

Sport