Wednesday, April 24, 2024

“Se nibqgħu spalla ma’ spalla mas-sajjieda kollha”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’kummenti ma’ dan is-sit hekk kif ilbieraħ infetaħ l-istaġun tal-Lampuki, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet li s-sajd f’Malta hija tradizzjoni mill-iktar għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi. Mal-2,700 sajjieda, kemm full-time kif ukoll dawk fuq bażi rikrejazzjonali, bħalissa qiegħdin jippreparaw għal perjodu mimli ħidma b’bżulija liema bħalha. Dan minkejja sfidi li jiffaċċjaw fuq il-baħar ta’ kuljum huma konsiderevoli.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li huwa għalhekk li l-Gvern kien qiegħed jassisti lil dawn is-sajjieda permezz ta’ diversi skemi. “Din mistennija tkun sena fejn is-sajd tal-lampuki ser ikun interessanti ħafna: S’issa, xejn inqas minn 800 sajjied rekreazzjonali applikaw ma’ diversi għaqdiet differenti. Il-Gvern qassam ukoll iktar minn 7000 palma, kif ukoll 93 ċima, għall-użu speċifiku ta’ dan it-tip ta’ sajd tal-lampuki.”

Qalet ukoll li l-ħidma tal-Gvern tmur lil hinn minn sempliċiment reġistrazzjoni, u tqassim ta’ għodda tas-sajd. Nedejna l-proġett ta’ pillars tad-dawl u tal-ilma ġodda, biex niffaċilitaw ix-xogħol tat-tiswijiet u l-manutenzjoni tal-bastimenti. “Ser ngħinu lis-sajjieda fejn tidħol l-ispiża tal-fuel, b’xejn inqas minn €700,000 li ser jingħataw lil kull min japplika mad-Dipartiment tas-Sajd.”

“Sejjaħna wkoll l-għajnuna tal-Unjoni Ewropeja biex nipproteġu aħjar l-ibħra tagħna; grazzi għall-wasla tal-vapur Lundy Sentinel, ser nappoġġjaw lill-maġġoranza tas-sajjjieda li jaħdmu b’mod risponsabbli fl-ibħra tagħna, filwaqt li nipproteġuhom mit-theddid ta’ sajjieda ta’ pajjiżi terzi.”

Filwaqt li awgurat is-sajda t-tajba lil kull sajjieda Malti u Għawdxi, hija fakkret fuq l-appoġġ totali li dan il-Gvern qiegħed jagħti lil dan is-settur. Tenniet li: “se nibqgħu naħdmu spalla ma’ spalla mas-sajjieda kollha, u nkomplu nkunu t-tarka tagħhom, kemm fil-bnazzi u kif ukoll fil-maltemp.”

Sport