Thursday, April 18, 2024

Wara l-mewt ta’ martu jwaqqaf grupp biex ikun ta’ appoġġ għal dawk romol

Jippubblika wkoll ktieb dwar dan is-suġġett

Aqra wkoll

Minus One huwa grupp żgħir ta’ ħbieb li ġie mwaqqaf riċentement minn Victor Galea u li fih hemm persuni li għandhom inqas minn 61 sena u li spiċċaw romol. Kollha għandhom esperjenza komuni, dik li tilfu lill-għeżież tagħhom u l-għan hu dejjem li jkunu ta’ sapport għal xulxin. 

Il-grupp ifittex ukoll li jkun ukoll ta’ gwida għal min ħass sew in-nuqqas tar-raġel jew il-mara tiegħu. L-istess grupp jippromwovi wkoll il-valur tal-ħajja minkejja diversi dubji jew mumenti koroh li wieħed jista’ jara. Anzi l-objettiv dejjem ikun li jużaw l-enerġija tagħhom sabiex jiffukaw aktar lejn il-pożittivita’ u b’mod partikolari lejn is-sabiħ tal-ħajja.

Tkellimna mal-istess Victor Galea dwar l-idea ta’ dan il-grupp u b’mod partikolari dwar il-mumenti xi ftit iebsa meta dak li jkun jitlef is-sieħeb jew is-sieħba tiegħu partikolarment meta tkun żgħir fl-età.

Victor twieled fl-24 t’Ottubru 1964 u trabba l-Ħamrun. Hu kien miżżewweġ lil Graziella nee Scerri minn Ta’ Xbiex fejn minn dan iż-żwieġ twieldu Gabriella u Gianluca. Fis-16 ta’ Novembru 2015, Victor tilef lil Graziella u ħajtu nbidlet mil-lejl għan-nhar. Il-ħajja u d-drawwiet passati spiċċaw u f’dak il-mument, kellu jkun hu li jqum fuq tiegħu u jfassal ħajja personali u soċjali ġdida.

Iżda kif nibet il-kunċett ta’ Minus One?

“Din l-idea ġietni meta kont għadni kemm tlift il-mara tiegħi u bdejt infittex ftit fuq l-internet dwar xi gruppi li kienu għadhom kemm għaddew minn din l-esperjenza. Taf int, tkun għadek kemm tlift lil xi ħadd li jfisser ħafna għalik, tibda ħajja ġdida bħala armel u tkun trid tara kif tista’ ssib dik l-għajnuna neċessarja.”

“Meta kont qed inqalleb fuq l-internet stajt ninnota li jeżistu diversi gruppi ta’ anzjani romol iżda mhux ta’ individwi romol inqas minn 61 sena. Ridt nagħmel xi ħaġa u għalhekk ħloqt dan il-grupp li semmejtu Minus One, appuntu għax xi ħadd għażiż għalik jiġi nieqes.”

Galea ma waqafx hawn tant li anke ddeċieda li jikteb ktieb li semmih “Qawsalla wara l-Maltemp. Il-ħajja tar-romol mingħajr irtokki u kostum.”

It-titlu tal-ktieb hu wkoll slogan li juża’ l-istess grupp fejn jiffoka fuq kif wara l-maltemp verament tista’ toħroġ il-qawsalla minkejja kull diffikulta’ possibbli.

Dan il-ktieb tista’ tgħid li mexa tajjeb tant li n-nies bdew jikkuntattjawh sabiex jixtruh b’mod dirett mingħandu. Hu qed jitlob donazzjoni bin-nies li laqgħu tajjeb il-kontenut ta’ dan il-ktieb li fih emozzjonijiet partikolari u diretti ta’ min ġarrab sew it-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalih. 

X’ħass Victor Galea seba’ snin ilu meta tilef lill-għażiża martu?

“Ovvjament ħassejt ħafna emozzjonijiet imħallta bħal biża għall-futur, rabja kbira, dubji kbar ta’ x’se jiġri minni. Fl-istess waqt bdejt insaqsi bejni u bejn ruħi jekk hux se nkun kapaċi nrabbi liż-żewġt itfal tiegħi Gianluca u Gabriella bl-aħjar mod.”

“Fl-istess waqt indunajt li dik il-ħajja li kont ngħix qabel issa spiċċat u kien se jibda kapitlu ġdid f’ħajti. Kapitlu li ma kienx se jkun faċli iżda bl-għajnuna ta’ kulħadd ridt nasal għaliha.”

Victor Galea jgħidilna li meta wieħed isemmi ħajja ġdida, ma jfissirx strettament li tibni relazzjoni ma’ xi ħaddieħor iżda wkoll li tkabbar iċ-ċirku ta’ ħbieb, tibda toħroġ iktar u fuq kollox l-importanza li titkellem meta l-affarijiet ma jkunux sejrin sew.

Galea jitkellem aħjar dwar kemm hu importanti li tgħix il-ħajja

“Il-ħajja hi sabiħa u għalhekk wieħed irid jgħixha bl-aħjar mod possibbli. Inutli tiffoka fuq il-mewt u x’ġara għax issa dak il-kapitlu spiċċa u trid tmur għal li jmiss. Naf li mhux xi ħaġa faċli iżda bi sforz u rieda tajba tasal ukoll.”

Galea iżid li meta xi ħadd jitlef lil xi ħadd għażiż għalih, wieħed jista’ jagħżel żewġ toroq partikolari; jew li tiżola ruħek u tbati fis-solitudni u d-dwejjaq jew inkella tfittex is-sapport ta’ ħaddieħor li bħalu għadda minn din l-esperjenza. Minkejja li xi kultant bniedem mhux dejjem ikollu l-aptit li jiltaqa’ ma’ ħaddieħor anke għax ikun għaddej minn xi mument iebes, il-grupp jiffoka ħafna li jifhem lil dak li jkun u jipprovdi għajnuna lil min verament ikollu bżonnha. B’hekk il-piż u d-dwejjaq jittaffew u jidħol is-sens ta’ mħabba u rispett lejn dak li jkun u eventwalment bniedem jafda iktar lil ħaddieħor.

Finalment Galea jsemmilna lista ta’ prinċipji li bħala grupp jimxu bihom.

L-ewwel u qabel kollox hu veru li wieħed għadu kemm sofra t-telfa ta’ xi ħadd iżda importanti li tgħix il-ħajja. Fl-istess waqt, wieħed m’għandux jaħli l-enerġija tiegħu fuq il-mewt iżda lejn il-ħajja. Eventwalment meta nħarsu lura, għandna nkunu kburin b’dak li ksibna iżda fl-istess waqt għandna nħarsu ‘l quddiem lejn dak li nistgħu niksbu fil-futur. Hu veru li hemm mewta waħda iżda rridu ngħixu kuljum għal ħajjitna. Il-ħbiberija hi l-aqwa mediċina sabiex tħares ‘il quddiem għax wara kollox kif jgħid l-aħħar prinċipju, għandna dritt li nkunu ferħana għal darb’oħra.

Victor Galea jagħlaq din l-intervista billi jagħmel appell lir-romol ta’ inqas minn 61 sena sabiex jingħaqdu magħhom sabiex isibu s-solliev li verament għandhom bżonn filwaqt li ma jaqtgħux qalbhom mill-futur li xorta waħda jidher sabiħ.

Ekonomija

Sport