Friday, December 13, 2024

“Se nidħlu għall-aktar proġett ambjentali ambizzjuż fl-istorja ta’ pajjiżna” – il-PM

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ppreżenta l-proposti ta’ proġetti ambizzjużi ta’ spazji ħodor li se jwasslu għal Malta u Għawdex isbaħ. Fi kliemu, se nidħlu għall-aktar proġett ambjentali ambizzjuż fl-istorja ta’ pajjiżna.

Qal dan waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet minn Rialto, Bormla bit-tema ‘Malta flimkien’.

Dr Abela qal li bħala Gvern iridu lill-Għawdxin u l-Maltin jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar u għalhekk se jidħlu għall-aktar proġett ambjentali ambizzjuż f’pajjiżna. Qal li se joffru ambjent aħjar fil-qalba tal-bliet u tal-irħula tagħna u se jipprovdu pulmuni ġodda f’kull lokalità għax iridu li biex wieħed jistrieħ u jgawdi l-familja ma jkollux għalfejn juża l-karozza. Qal li jemmen li dawn il-proġetti se jibdlu wiċċ pajjiżna.

“Jekk il-poplu Malti u Għawdxi jagħtini l-ewwel mandat tiegħi bħala Prim Ministru fl-elezzjoni ġenerali, nibdew minnufih, mill-għada stess. Se nallokaw budget totali ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba snin. €100 miljun fis-sena għall-proġetti ambjentali li se jagħtu nifs ġdid,” qal il-Prim Ministru.

Żied jgħid li filwaqt li llum qed ipoġġu dan l-impenn, jisħaq li kull proġett li se jidħlu għalih irid isir b’konsultazzjoni mar-residenti u l-Kunsilli Lokali. 

Qal li l-prijorità hija uliedna, il-familji u l-anzjani tagħna. “Irridu l-komunitajiet tagħna jgħixu f’ambjent nadif. Nieħdu l-ideat u mbagħad nimplimentaw. Fl-istess ħin ukoll diġà għandna ħsibijiet ċari dwar numru ta’ proġetti li rridu nidħlu għalihom,” qal Dr Abela. 

Qal li ħafna bliet u rħula kibru maż-żmien u żdiedu wkoll l-użu tal-vetturi li qed jiddominaw spazji bħall-pjazez tagħna.  Dr Abela qal li l-kwalità tal-ħajja ma titkejjilx biss bin-numri iżda wkoll bl-ambjent li ngħixu fih u l-ispazji li fihom inqattgħu l-ħin libertu tagħna.

Qal li minkejja li lbieraħ ippreżenta numru ta’ inizjattivi li se jħallu ħafna flus fil-but tan-nies, illum bdew jitkellmu fuq il-prijorità ġdida u kbira tagħhom. Qal li dan l-investment se jwassalhom biex fil-leġiżlatura li jmiss jagħtu lill-poplu aktar parks pubbliċi, fost l-akbar proġett tal-urban greening, spazji ħodor miftuħa, aktar parkeġġi taħt l-art bil-ħolqien tal-ġonna fuqhom, fost oħrajn.

Fost l-oħrajn tkellem dwar il-Park Nazzjonali ġewwa Ta’ Qali u qal li huwa eżempju klassiku ta’ dak li qed jaspiraw għalih.

Huwa wkoll rrefera għal numru ta’ proġetti li huma fost l-ewwel li jixtiequ jimplimentaw.

“Kull meta wegħda wettaqna. Konvint li flimkien se naslu. Malta flimkien bex nagħtu spazji isbaħ u pubbliċi lill-familji,” qal Dr Abela.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli tkellmet dwar proġetti maġġuri li se jibdlu l-wiċċ tal-pajjiż. Fost l-oħrajn tkellmet dwar il-lokalità ta’ Bormla u l-Isla fejn dik l-art li kienet immirata biex issir dormitorju tal-Università Amerikana issa se tinqaleb fi spazju aħdar miftuħ għar-residenti tal-madwar. Qalet li dan fl-istess waqt li se jassiguraw li ma jintilef l-ebda spazju ta’ parkeġġ għax għalihom din hija importanti. Għalhekk qed jipproponu li dan il-parkeġġ isir taħt l-art.

Tkellmet ukoll dwar proġett ieħor f’San Ġwann fejn qed jipproponu li fil-qalba ta’ dik il-lokalità, tingħata prijorità totali lin-nies. “Wara li ġie approvat il-permess għall-proġett tal-ġnien ta’ Karin Grech qed nipproponu li dan il-proġett jiġi estiż b’tali mod li tinħoloq pjazza u spazju pubbliku ġdid fil-qalba ta’ din il-lokalità. Qed nipproponu li t-traffiku jibda jgħaddi minn mina filwaqt li jiġi introdott parkeġġ taħt l-art li jipprovdi d-doppju tal-ispazju tal-parkeġġ preżenti,” qalet il-Ministru Dalli.

Tkellmet ukoll dwar ir-Rabat Għawdex fejn qed jipproponu li wara l-proġett ta’ Pjazza San Franġisk, jagħtu ħajja totalment ġdida liż-żoni ta’ parkeġġ li hemm ftit ‘il bogħod minn din il-pjazza, bi proġett ambizzjuż biswit it-terminus tal-linja. Qalet li dak li sal-lum huwa proġett tat-tarmak se jinbidel f’park għall-familji li se jinkludi park tal-futboll u parkeġġ taħt l-art.

Dwar il-lokalità tal-Ħamrun qalet li se jikkonvertu l-art li llum hemm fuqha l-fabrika tal-ħalib u se jikkonvertuha fi spazju miftuħ aħdar għall-familji kollha. L-impjant se jiġi rilokat għal sit ġdid industrijali. Dan il-proġett se jinkludi fih parkeġġ imdaqqas taħt l-art għar-residenti u se jkun hemm ukoll ġdid ta’ madwar 10 tomniet għall-familji.

Tkellmet ukoll dwar il-lokalità ta’ Birkirkara fejn qed jipproponu proġett li permezz tiegħu jsaqfu l-via tal-ilma li hemm matul Triq il-Qasab. Għalhekk dik li preżentement hija ħofra twila tal-konkoss minn fejn jgħaddi l-ilma se tissaqqaf b’mod li ma twaqqafx il-volum tal-ilma li jgħaddi filwaqt li jsir spazju aħdar fil-qalba ta’ Birkirkara.

Il-Minstru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li l-għajta tan-nies f’dawn l-aħħar żminijiet kienet li jkomplu jiżdiedu l-parks u l-afforestazzjoni, filwaqt li jagħtu tħaddir fiż-żoni urbani. Qal li l-punt tat-tluq kien li jħaddru dawn iż-żoni permezz ta’ diversi proġetti fosthom bil-green roofs u ġonna vertikali.

Qal li issa se jmorru għal-livell li jmiss b’dawn il-proposti. Fiż-żona ta’ Santa Venera qal li se jaraw li l-istudji neċessarji biex jissaqqaf tal-ġnien tal-post tal-mina ta’ Santa Venera hawnhekk tlestew u x-xogħol jista’ jibda fiż-żmien li ġej. Hemmhekk seba’ tomniet tal-art li se jmorru fi spazju miftuħ għall-familji Vendriżi u dawk li jgħixu fil-madwar.

Tkellem ukoll dwar Triq Sant’Anna fejn qal li hawnhekk se jaraw li mhux biss dan il-proġett huwa fattibbli imma se jsir ukoll. F’dan ir-rigward semma kif jinsabu kommessi li jwettqu l-proġett ta’ spazju miftuħ u t-traffiku se jkun qed jgħaddi minn taħt permezz ta’ mina.

Qal li dawn il-proġetti mhux se jkunu l-uniċi iżda se jkun hemm ħafna aktar fejn qed jaraw li jkun hemm proġetti oħra ta’ parks u afforestazzjoni oħra. Hawnhekk semma’ l-estenzjoni tal-Inwadar, il-park ta’ Ta’ Qali u dak ta’ Bengħajsa, u dan flimkien ma’ parks ġodda fl-Imqabba, Bormla, il-Birgu, Park Ġeoloġiku f’Għar Lapsi u Wied iż-Żurrieq, fost oħrajn. Flimkien ma’ dawn għaddej xogħol fuq erba’ proġetti ta’ urban greening li kull wieħed imiss mal-miljun ewro ta’ investiment.

Ekonomija

Sport