Thursday, October 10, 2024

L-INVESTIMENT FL-MCAST: FONDI EWROPEJ UŻATI BL-AKBAR GĦAQAL

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru tar-Riżorsi ġdid fl-MCAST fil-jiem li għaddew hija prova mhux biss ta’ kemm il-Gvern Laburista għandu għal qalbu l-investiment fl-edukazzjoni ta’ uliedna iżda wkoll kemm fl-aħħar snin għarafna nużaw bl-akbar għaqal il-Fondi li pajjiżna rnexxielu jikseb mill-Unjoni Ewropea.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-Fondi Ewropej intużaw għal bosta proġetti edukattivi u ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ tagħna. Ewlieni fost dawn kien hemm l-introduzzjoni fl-iskejjel primarji kollha tal-proġett “one-tablet per child” fejn tajna spinta qawwija lejn it-taħriġ fit-teknoloġija diġitali lil ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ tfal fl-iskejjel primarji. Issa wkoll qed nippjanaw li mill-Programm ta’ Investimenti li se nagħmlu mill-baġit il-ġdid ta’ Fondi Ewropej għas-snin 2021-2027, dan il-proġett jiġi estiz ukoll għall-iskejjel sekondarji.

Kellna bosta proġetti edukattivi oħra li gawdew minn Fondi Ewropej fosthom il-bini ta’ laboratorji ghat-taħriġ vokazzjonali f’diversi skejjel. Mill-banda l-oħra jinsabu fl-aqwa tagħhom it-tħejjijiet biex mill-investimenti li se nagħmlu bil-Fondi għall-Pjan tal-Irkupru u r-Reżiljenza, ninvestu €41 miljun biex jinbena l-Kampus il-ġdid tal-Istititut tal-istudji Turistiċi fi Smart City. L-Istess Pjan ta’ Rkupru qed jaħseb ukoll għal rinovazzjoni ta’ l-iskejjel primarji ta’ Ħal Għaxaq u tan-Nadur filwaqt li għaddej ġmielu wkoll ix-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tal-iskola primarja tal-Imsida li se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’Malta għaliex ser tkun kważi ħielsa għal kollox mill-emmissjonijiet.

Investiment ta’ €33 miljun fir-riġenerazzjoni tal-kampus tal-MCAST f’Kordin. Fażi oħra, Ċentru tar-Riżorsi inawgurat fl-aħħar jiem mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.

L-Investiment ta’ Fondi Ewropej fl-MCAST kien wieħed qawwi u mifrux fuq bosta snin. Huwa kkalkulat li bir-riġenerazzjoni tal-kampus tal-MCAST f’Kordin se jkunu ġew investiti b’kollox madwar €33 miljun. Dan huwa investiment mill-aqwa fiż-żgħażagħ tagħna għaliex it-titjib fil-faċilitajiet u fl-ambjent ta’ dan il-kulleġġ qiegħed joffri esperjenza ta’ tagħlim mill-aqwa liż-żgħażagħ tagħna.

L-investiment li sar fiċ-Cenru tar-Riżorsi li inawgurajna fl-aħħar jiem sewa xejn inqas minn €9.3 miljun ta’ Fondi Ewropej. Dan iċ-ċentru huwa bini li qed jilħaq bosta għanijet għax fost affarijiet oħra jospita librerija mill-aktar moderna b’servizzi aċċessibbli għall-istudenti kollha kemm dawk full-time kif ukoll part-time. Dan iċ-ċentru jinkludi wkoll id-dipartiment tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll Learning Support Unit (LSU) u jipprovdi spazju għall-wirjiet u żoni ta’ studju u spazji soċjali, li tesa’ sa 660 student.

Din il-binja ġdida fil-kampus tal-MCAST fiha diversi faċilitajiet bħal uffiċini, workshops u klassijiet, u kmamar li huma magħmmra b’teknoloġija li tiffaċilita attavitajiet akkademiċi relatati ma’ l-oqsma varji ta’ studju, bil-għan li jiġi żgurat li s-sistema edukattiva tagħna tkun inklużiva kemm jista’ jkun u tiggarantixxi appoġġ sħiħ lill-istudenti kollha li għandhom xi diffikultajiet ta’ tagħlim.

Nifhmu li dan l-investiment li qed naghmlu qed ikun apprezzat ukoll ħafna mill-istess żgħażagħ li jattendu l-MCAST u kien ta’ sodisfazzjoni kbir għalina meta flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima ltqajna ma’ bosta studenti li kienu qed jużaw il-faċilitajiet taċ-ċentru l-ġdid u esprimew l-esperjenzi tagħhom f’din il-mixja edukattiva li qed jagħmlu f’dan il-Kulleġġ.

L-investiment li qegħdin nagħmlu fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna huwa l-aqwa investiment li nistgħu nagħmu għaliex qed ninvestu fl-aqwa riżors li għandu l-pajjiż, ir-riżors uman. Irridu nkomplu nagħtu lil uliedna u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin l-aqwa għodod biex jimirħu kemm jifilħu fil-qasam edukattiv u jakkwistaw il-ħiliet kollha li pajjiżna għandu bżonn biex ikompli fit-triq tal-moderniżazzjoni u l-iżvilupp.

Sport