Tuesday, April 30, 2024

MAFA: Żebbuġ Youngsters jsaħħu l-ewwel post wara battikata kbira

Aqra wkoll

Żebbuġ Youngsters tħabtu aktar milli mistenni sabiex għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 1-0. Kienet rebħa ferm importanti għaż-Żebbuġin hekk kif filwaqt li żammew ir-rekord perfett li bdew bih l-istaġun, huma issa fetħu sitt punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali San Ġwann Pro Evolution Academy li tilfu l-konfront tagħhom kontra Balluta Barracudas. 

Il-Youngsters mal-ewwel ħarġu fuq l-attakk sabiex isibu l-gowl kmieni iżda ma kinitx biċċa xogħol faċli għalihom hekk kif sabu lil Naxxar Victorians ferm organizzati u dixxiplinati fid-difiża fejn ftit taw ċans lill-attakkanti Żebbuġin jagħmlu li jridu. It-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta bdew joħolqu ċerta frustrazzjoni fil-plejers Żebbuġin speċjalment bil-kontrattakki perikolużi li bdew itellgħu.  

Hekk kif il-logħba kienet tidher li se tispiċċa fi dro, wasal il-gowl li ddeċieda l-logħba. Wara azzjoni ta’ freekick, kien l-attakkant Brażiljan Leonardo Silva Rodriguez li għola fuq kulħadd u bir-ras għeleb lill-goalkeeper ta’ Naxxar għar-riżultat finali ta’ 1-0. 

Referee kien Reno Galea.  

 Balluta Barracudas ħasdu lil San Ġwann Pro Evolution Academy hekk kif għelbuhom bl-iskor minimu iżda prezzjuż ta’ 1-0.  

Kienet logħba li l-Cudas ikkontrollaw sew u ftit ħallew lill-istudenti Franċiżi jagħmlu li jridu. Il-gowl li ddeċieda l-logħba ġie skorjat man-nofs siegħa logħob permezz ta’ Andrew Tortell li ssorprenda lill-goalkeeper avversarju sabiex xeħet il-ballun fix-xibka.  

San Ġwann Pro Evolution Academy ippruvaw iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima iżda Balluta Barracudas ftit kienu f’burdata li jagħti xi tip ta’ favur.  

Referee kien Slobodan Rangelov.  

Bit-telfa ta’ San Ġwann approfittaw Mqabba Albions li rreġistraw is-sitt rebħa staġjonali wara li għelbu lil Fgura Spartans bl-iskor ta’ 2-1.  

Kienet logħba ferm kumbattuta bil-Fgurin li ma ċedewx pulzier kontra l-avversarji Mqabbin tant li dawn tal-aħħar skorjaw fil-ħin mogħti żejjed mir-referi. 

Kien Miguel Grima li poġġa lil Albions fil-vantaġġ sabiex fit-tieni taqsima, Leon Barbara ġab l-iskor indaqs għall-Ispartans.  

Hekk kif il-logħba kienet se tispiċċa fi draw, wasal il-gowl kiesaħ u biered ta’ Mqabba fil-ħin mogħti żejjed mir-referee bl-aqwa skorer Shaun Abela jegħleb lill-goalkeeper avversarju.  

Referee kien Karl Galea. 

Mosta Vikings kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun hekk kif għelbu lit-tim tal-qiegħ Żejtun Laċċi bl-iskor ta’ 1-0. 

Il-Mostin riedu akkost ta’ kollox din ir-rebħa sabiex jibqgħu biċ-ċans li jsalvaw. Huma issa għandhom ħames punti u laħqu lil Fgura Spartans fil-klassifika.  

Il-gowl l-aktar importanti li ta t-tliet punti finali lil Mosta Vikings ġie skorjat fid-disa’ minuta permezz ta’ Ayrton Farrugia Tedesco.  

Minkejja li Żejtun Laċċi ippruvaw iwettqu r-reazzjoni tagħhom, il-Vikings żammew sod sabiex ħarġu bir-rebħa finali.  

Referee kien Jean Pierre Mifsud. 

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Żabbar Southsiders naqqsu milli jiksbu t-tliet punti u jżommu l-pass ma’ ta’ fuq meta setgħu jiġu biss fi dro ta’ 2-2 kontra Birkirkara St Joseph. 

Kienet logħba ferm eċitanti bil-Karkariżi li jmorru minn fuq iżda b’Żabbar li kienu kapaċi jdawru l-iskor favurihom għalkemm xorta waħda kellhom isofru l-gowl tad-dro mill-avversarji tagħhom.  

Kien Miguel Grech li poġġa lil Birkirkara St Joseph fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti logħob sabiex huma marru jistrieħu 1-0 minn fuq. 

Fit-tieni taqsima, kien hemm reazzjoni aggressiva min-naħa taż-Żabbarin hekk kif Gabriel Calleja skorja doppjetta f’temp ta’ kwarta. 

U hekk kif kollox kien jidher li l-logħba kienet magħluqa, wasal il-gowl drammatiku ta’ Kyle Formosa li ta punt lil Birkirkara St Joseph. 

Referee kien Jonathan Balzan.  

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Żebbuġ Youngsters 27, San Ġwann Pro Evolution Academy 21, Mqabba Albions 19, Balluta Barracudas 18, Naxxar Victorians 9, Fgura Spartans, Mosta Vikings 5, Żejtun Laċċi 1   

  
KLASSIFIKA  – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Floriana Fsobians 19, Swieqi Braves 18, Żabbar Southsiders 16, Ta’ Ġiorni Wanderers 13, Birkirkara St Joseph 5, Ħal Far Sparks 4, Gudja Wanderers 1          

Sport