Monday, May 13, 2024

Futsal: Luxol jibqgħu l-ewwel wara rebħa kbira

Aqra wkoll

Iċ-champions Luxol St Andrews bdew bl-aħjar mod possibbli l-Enemed Futsal Premier League hekk kif kisbu rebħa kbira fuq l-Universita’ ta’ Malta. Anke Valletta kellhom wirja konvinċenti hekk kif għelbu lil Mellieħa bl-iskor kbir ta’ 7-0.

B’hekk bdiet it-tieni fażi ta’ dan l-istaġun fejn il-11-il tim li qed jikkompetu nqasmu f’żewġ diviżjonijiet l-Premier League u ċ-Challenger League.

Luxol għelbu lill-Universita’ ta’ Malta bl-iskor ta’ 12-1 f’partita li huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar. It-tim immexxi minn Gabriel Dobre s’issa rebaħ il-logħbiet kollha li lagħab matul dan l-istaġun sabiex b’hekk jibda favorit li jżomm it-titlu li rebaħ fl-istaġun li għadda.

Marwan Telisi spikka għal Luxol hekk kif skorja hat-trick b’Gia Nikvashvili u Maicon da Silva Gaiewski awturi ta’ doppjetta kull wieħed. Melvin Borg, Celino Alves, Andy Mangion, Mark Zammit u Stefan Vella għaqqdu l-iskor favur it-tim tagħhom.

L-Universita’ ta’ Malta skorjaw l-uniku gowl tagħhom permezz ta’ Stefan Camilleri.

Valletta saħħew it-tieni post tal-klassifika wara rebħa komda ta’ 7-0 kontra Mellieħa. Dawn tal-aħħar ippruvaw jikkontrollaw il-furja tal-avversarji iżda sabuha ferm diffiċli jimmansaw l-iljuni Beltin li skorjaw permezz ta’ żewġ doppjetti ta’ Luke Gatt u Andre Ciancio b’Jovica Milijic, Karl Sciortino u Brayan Silva Rivera li wkoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Sadanittant Naxxar Lions telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal Challenger League wara rebħa tajba ta’ 7-2 kontra Qormi.

In-Naxxarin riedu jibdew din it-tieni fażi tal-istaġun bl-aqwa mod possibbli u kellhom lil Antoine Barbara li skorja żewġ gowls filwaqt li Josef Azzopardi, Matthew Buttigieg, Sean Parnis, Matthew Camilleri u awto-gowl għaqqdu s-seba’ gowls għat-tim tagħhom.

Qormi naqqsu l-marġni tal-iskor darbtejn permezz ta’ Kenneth Schembri u Bertram Azzopardi.

St George’s telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 2-1 kontra Żurrieq. Kienet logħba ferm bilanċjata biż-żewġ timijiet li bdew jattakkaw fit-tentattiv li jiksbu l-aħjar riżultat possibbli. Fl-aħħar mill-aħħar kienu t-tim mill-Kottonera li daħku l-aħħar daħka hekk kif Faisal Alnakouoo u Karl Luke Schembri kienu l-iskorers tagħhom. Boycho Marev skorja l-uniku gowl taż-Żurrieq.

Siġġiewi reġgħu rritornaw għar-rebħ wara riżultat pożittiv ta’ 11-0 kontra Marsaskala. B’din it-telfa, it-tim min-nofsinhar ta’ Malta baqgħu fl-aħħar post tal-klassifika b’punt wieħed biss.

Wallace Oliveira kien l-eroj għas-Siġġiwin hekk kif skorja erba’ gowls b’Andrea Rufa li kien awtur ta’ tripletta. Shataizan Zarb u Ryan Muscat skorjaw doppjetta kull wieħed għal skor finali ta’ 11-0.

KLASSIFIKA – Enemed Futsal Premier League

Luxol 33, Valletta 30, Ta’ Xbiex, L-Universita’ ta’ Malta 21, Mellieħa 18

KLASSIFIKA – Enemed Futsal Challenger League

Naxxar 18, St George’s 15, Żurrieq 7, Siġġiewi 9 Qormi 6, Marsaskala 1

Sport