Saturday, November 2, 2024

SE NIKKONTROLLAW L-IFFULLAR FL-APPARTAMENTI?

Aqra wkoll

Is-settur tal-kera għadda minn diversi fażijiet u riformi li f’bosta minnhom wettqu ġustizzja mas-sidien tal-propretajiet li kienu qed jitħallsu kirjiet li ma kinux ġustifikati għaż-żmien tal-lum. Saħansitra anke l-Qrati kienu taw sentenzi favur is-sidien. 

F’dawn l-aħħar snin, rajna fenomenu jinbet f’pajjiżna – dak ta’ kirjiet iffullati minn barranin f’residenzi privati. Saħansitra kien hemm sidien l-aktar ta’ appartamenti, li raw kif jagħmlu arranġamenti u tibdiliet f’dawn l-appartamenti biex ikunu jistgħu jdaħħlu numru ta’ persuni. 

Kien hemm sitwazzjoni fejn instabu 30 persuna f’appartament wieħed. Dan fi sfond li dawk il-ftit sidien għamlu hekk għax riedu jħaxxnu buthom minn fuq dahar in-nies.

Il-Gvern, konxju ta’ din il-problema li kibret u kien hemm ħtieġa li tiġi kkontrollata, ippreżenta sett ta’ emendi għal-liġi dwar il-kirjiet residenzjali privati li l-iskop ewlieni tagħhom ikun li jiġi regolat dan is-suq. 

Kif proposti l-emendi f’dan ir-rigward mhux se jitħalla aktar iffullar ta’ aktar minn sitta min-nies f’appartament wieħed. F’dan il-każ, kull meta jinstabu diversi kerrejja li ma jkunux mill-istess unità tal-familja jokkupaw l-istess dar ta’ abitazzjoni, l-ammont ta’ kerrejja ma jistax jaqbeż in-numru ta’ persuni speċifikati fil-liġi tal-ippjanar.

L-emendi se jippermettu wkoll lill-Panel t’Arbitraġġ sabiex iżomm reġistru ta’ persuni li jonqsu milli jonoraw id-deċiżjonijiet tiegħu jew id-deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Appell. 

Filwaqt li nifhmu l-ħtieġa ta’ emendi bħal dawn, li se jdaħħlu aktar serjeta’ fir-rigward tal-kirjiet, nifhmu wkoll illi dawn l-emendi jisfumaw fix-xejn jekk ma jkunx hemm infurzar b’saħħtu li jassigura li ma jkunx hemm ksur tal-liġi. Aħna konvinti li l-infurzar diġa’ qiegħed hemm u se jkompli jsir. 

Dan qed ngħiduh mill-fatt li f’dawn l-aħħar tliet snin inħarġu 818-il notifika ta’ infurzar fuq min kien qed jikri b’xi mod li ma kienx konformi mal-liġi. Minn dawn inħarġu 78 kwerela li wasslu sabiex jinbdew proċeduri anke fil-Qrati. 

Quddiem dan kollu, nemmnu li dawn l-emendi mhux se jirrestrinġu s-suq imma kulma se jagħmlu se jsaħħu aktar ir-regolamentazzjoni f’settur li għandu fejn jespandi u jkompli jikber biex ilaħħaq mat-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna. 

Sport