Friday, December 20, 2024

“Se ningħaqad ma’ Ħamrun Spartans għax emmint fil-proġett tagħhom”

Ryan Camenzuli

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Kont għadni żgħir meta bdejt nilgħab il-football. Kien ħija William li ħaj­jarni nilgħab dan l-isport tant sabiħ. 

Jien kont insegwih ħafna meta kien jilgħab il- football. Niftakru jilgħab proprju ma’ Floriana, Bir­kirkara u Marsaxlokk fost l-oħrajn. Jien bħal qisni segwejt il-passi tiegħu tant li l-ewwel dħalt fl-akkademja ta’ Floriana u aktar tard f’dik ta’ Birkirkara. Minn hemm qatt ma ħarist lura u bqajt għaddej niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’dan l-isport.

Meta kien id-debutt tie­għek fil-Kampjonat Premier?

Niftakar li kont iddebuttajt ma’ Birkirkara fit-30 ta’ Jannar 2011 meta dħalt bħala sostitut fil-logħba minflok Terence Vella. Dakinhar konna rbaħna lil Vittoriosa Stars 1-0. Kont lgħabt ukoll ftit tax-xhur wara kontra Floriana sa mill-bidu u l-coach dak iż-żmien kien Paul Zammit.

Tista’ tagħtina d-dettalji dwar iż-żmien li għamilt tilgħab ma’ Birkirkara?

Kien żmien verament sabiħ li qattajt ma’ Birkirkara għax irnexxieli nagħti sehmi sabiex it-team jirbaħ xi tip ta’ unuri. Jien irnexxieli nkun fit-team li rbaħna l-Kampjonat Premier fl-istaġun 2012-13 filwaqt li għal sentejn konsekuttivi rnexxielna nirbħu s-Super Cup bejn l-2014 u l-2015.

Kellna team b’saħħtu b’taħlita ta’ żgħażagħ u oħ­rajn ta’ esperjenza li flim­kien irnexxielna nwettqu l- aħjar possibbli għall-club. 

Fil-jiem li għaddew, Floriana għadhom kemm rebħu l-Izibet FA Trophy. X’kienu l-emozzjonijiet tiegħek wa­ra dan is-suċċess?

L-ewwelnett l-FA Trophy tfisser ħafna għalija minħabba li fl-aħħar partiti deċiżivi għamilna aktar mill-mija fil-mija tagħna sabiex naslu għaliha.

Fis-semi-finali kontra Hibernians għamilna aktar minn siegħa nilagħbu b’għaxra min-nies iżda xorta waħda konna kapaċi nirbħu l-partita għalkemm batejna xi ftit.

Barra minn hekk, ifisser ħafna għalija għax bħala club ħadd ma beda jqisna bħala favoriti għar-rebħ tat-titlu iżda aħna tajna risposta u kien biss fl-aħħar parti li stajna għamilna xi ħaġa aħjar. Madankollu l-FA Trophy taffiet xi ftit mid-diżappunti li kellna fil-kampjonat.

Aħna kellna skwadra relattivament żagħżugħa fejn dawn għadhom qed jiksbu l-esperjenza tagħ­hom. Minkejja kollox, konna dejjem tajbin fil-logħob tagħna u nemmen li jisħoqqilna li wasalna għal dan it-tragward. 

Temmen li l-coach Gian­luca Atzori kellu sehem ewlieni f’dan is-suċċess?

Iva nemmen ħafna fil-coach Atzori minħabba li kien kapaċi jgħaddilna ħaf­na affarijiet sbieħ li minnhom tgħallimna ħafna. Mill-ewwel qalilna xi jrid minna u aħna obdejna ħafna mill-istruzzjonijiet tiegħu. 

Hu għandu dixxiplina kbira u jadotta stil ta’ taħriġ ferm intensiv. Nemmen li hu kien l-ixprun ta’ Floriana sabiex wasalna għar- rebħ tal-FA Trophy.

Fil-bidu tal-ġimgħa li għaddiet, tħabbar li int se tmur tilgħab ma’ Hamrun Spartans. Kif qed tħares lejn din l-esperjenza ġdida fil- karriera tiegħek?

Ovvjament, mhux se tkun biċċa xogħol faċli li nitlaq lil Floriana wara kważi erba’ snin nilgħab magħhom. 

Kienet deċiżjoni tiegħi li ningħaqad magħhom għax il-proġetti li għandhom li jidher ferm interessanti. Fl-istess ħin jien xtaqt nibda sfida ġdida u naħseb li għamilt l-għażla t-tajba.

Nitkellmu issa dwar it-team nazzjonali Malti. Bħal­issa int qed tilgħab b’mod regolari taħt il-coach Devis Mangia. Kif qed taraha din l-esperjenza li qed ikollok kull darba li qed tirrappreżenta lil pajjiżek?

Kuntent u sodisfatt b’dak li għamilt s’issa mat-team nazzjonali Malti. Jien dejjem nipprova nitħarreġ bl-aqwa mod possibbli u għalhekk dejjem nara li nobdi l-istruzzjonijiet tal-coach Mangia. 

Bħala kollettiv qed nippruvaw inkomplu fuq dak li bnejna. Fl-aħħar tas-sena ma kellniex ir-riżultati li xtaqna iżda l-aħħar wirjiet kienu ferm inkoraġġanti u għalhekk li rridu nibqgħu sejrin f’din id-direzzjoni t- tajba.

Nistgħu niftaħru li għand­na staff tekniku mill- aqwa u nista’ ngħid li tgħal­limna ħafna mingħandhom bħala players.

Liema kienet dik il-logħba jew dak il-goal li l-aktar tibqa’ tiftakar kemm ilek tilgħab il-football?

Bla dubju diffiċli ninsa l-famuża logħba bejn Bir­kirkara u West Ham United  li konna rbaħna 1-0 fl-Istadium Nazzjonali, fis-sena 2015. 

Kemm f’darna kif ukoll barra minn xtutna tajna wirja kbira għalkemm kellhom ikunu l-penalties li ċaħduna mill-kwalifikaz­zjoni. Dakinhar kelli 20 sena u niftakar sew dik il-logħba. Niftakar ukoll il-logħob kollu li lgħabt mat-team nazzjonali Malti li għalija hu dejjem mument speċjali. 

Nitkellmu issa dwar temi marbuta mal-football Malti. Taqbel b’kampjonat bi 12-il team bħal dak li għadu kemm kellna?

Iva nemmen li dan hu l-aħjar format li bih jintlagħab l-ogħla kampjonat Malti. Kellna wkoll kampjonat bilanċjat bir-riżultat li kien dejjem inċert sal-aħħar. It-timijiet kienu ferm viċin xulxin u anke t-timijiet li ġew relegati taw wirjiet tajbin u saħansitra żammew lit-timijiet ta’ fuq.

Taqbel li kull team juża total ta’ 11-il player barrani fil-ground?

Sa ċertu punt iva dejjem jekk ikunu players barranin ta’ livell. Għax jekk le ma narahiex sew li dawn il-barranin jieħdu post żgħażagħ oħrajn. Minkejja kollox, nemmen li jekk tkun player Malti tajjeb xorta tilgħab. 

X’inhuma l-fehmiet tie­għek dwar il-grounds fejn jintlagħab l-ogħla kampjonat Malti?

Kien hemm titjib kbir fir-rigward tal-grounds par­­tikolarment dak tal-Is­ta­dium Nazzjonali u Tony Bezzina Stadium. 

Il-kwalitá tal-ħaxix tal-grounds li għandna huwa wieħed mill-aqwa u dan stajt narah matul dawn l-aħħar snin.

X’sagrifiċċji jinvolvi li tkun player tal-football?

Jien ngħid li biex tkun player tal-football hemm bżonn ta’ ċerti sagrifiċċji li jridu jsiru speċjalment jekk trid tilgħab fl-aqwa livell possibbli. Apparti d-dieta bilanċjata li trid iżżomm, trid issib ħin titħarreġ waħdek għax b’hekk biss tista’ tkompli titjieb. Trid toqgħod ukoll attent xi stil ta’ ħajja jkollok għax dik tista’ teffettwa wkoll il-wirjiet tiegħek fil-logħba.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

Fil-futur mhux ‘il bo­għod jiġifieri mix-xahar id-dieħel, jien se nkun player ta’ Hamrun Spartans u għalhekk se nkun qed inħares lejn din l-esperjenza bl-aħjar mod possibbli. Se nagħti l-almu tiegħi kif dejjem għamilt u nispera li ngħin lit-team jirbaħ aktar tazzi u unuri. Se nkun qed ningħaqad ma’ club li kiteb l-istorja tal-football Malti u għalhekk hemm  pressjoni li nqisha pożittiva sabiex nilgħab dejjem taj­jeb u ġġib riżultati tajbin. 

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fl-isport.

Importanti ħafna li tib­qgħu umli u qatt ma tikbrilkom raskom. Taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed u jrid ikollok l-umiltá tinduna li meta żbaljajt, tara li titgħallem minnhom.

Fl-aħħarnett importanti li tirrispetta lil kulħadd għax kif jgħidu l-ebda bnie­dem m’hu aktar minn ħaddieħor!

Ekonomija

Sport