Monday, November 18, 2024

“Se nippromwovi kuxjenza biex kull individwu jieħu ħsieb saħħtu”

Ir-rebbieħa ta’ Miss Malta b’impenn li tagħmel differenza

Aqra wkoll

“Se nkun qiegħed nippromwovi missjoni Uganda u nagħmel mezz li noħloq kuxjenza dwar is-saħħa ta’ kull individwu u l-bżonn li ħadd ma jitraskura. Barra minn hekk, għotja demm tista’ ssalva ħajja, imma fl-istess waqt tgħin lid-donatur. Fatti li jeħtieġ li jkun hawn aktar għarfien dwarhom għal soċjetà aħjar”.

Dan kien il-kumment ta’ Cherise Spiteri meta kkuntattjata minn dan is-sit, ftit sigħat biss wara li ġiet inkurunata bħala Miss Malta 2024. Spiteri li dehret ferm sorpriża bir-rebħ ta’ dan it-titlu għalkemm fl-istess ħin ukoll mimlija responsabbiltà li trid tkun ta’ eżempju għal ħaddieħor.

“Se nkun onesta ma kontx qed nistenna li se nkun magħżula bħala Miss Malta 2024. Fl-istess waqt qabel ma jkun hemm isem li jitħabbar, kollox ikun għadu kaxxa magħluqa. Dan minħabba li mudella tieħu l-punti mhux biss fuq il-wirja tagħha fuq il-palk, id-dehra tagħha u anke l-mod ta’ kif tilbes iżda wkoll skont dak li twieġeb fl-intervista. Dawn kollha huma kumbinazzjonijiet importanti li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għar-riżultat finali.”

“Għadni ma nistax nemmen li se nkun qed inġorr din ir-responsabbiltà kollha għalkemm nilqagħha b’idejja miftuħa!” Cherise Spiteri tgħid li l-lokalità tal-Kalkara hi ferm għal qalbha fejn għaliha għandha sinjifikat kbir u jirrappreżenta ħafna mill-ħidma tagħha.

“Fil-fatt jien attiva ħafna fil-festa ta’ San Ġużepp tal-Kalkara, inkun ħafna fil-każini apparti li nkanta fil-kor tal-knisja u fl-orkestra. Ilni snin twal nieħu sehem f’dawn l-attivitajiet u ma nibdilhom ma’ xejn. Għalhekk ħassejt li ridt nagħti xi ħaġa lura lil dan il-villaġġ pittoresk li kien ilu ma jkollu rappreżentant jew rappreżentanta f’xi konkors tas-sbuħija għal snin twal. Għalhekk ninsab onorata ferm li ħafna Kalkariżi ferħuli u tawni kuraġġ f’din l-aħħar ġimgħa!”

Spiteri rebħet ukoll Miss Personality fejn anke hawn spikkat ferm fir-risposti li tat waqt l-intervista mal-ġudikanti filwaqt li kull ħaġa li qalet kienet miftuħa u onesta fuq diversi temi attwali. Fil-fatt hi wieġbet li fil-pjattaformi diġitali li hi tant attiva fihom fuq Instagram u Facebook, trid tħalli impatt pożittiv partikolarment mat-tfajliet Maltin u Għawdxin. Hi ma tridx titkellem dwar moda biss iżda wkoll issemmi suġġetti varji li xi kultant jolqtu fil-laħam il-ħaj il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Cherise Spiteri qalet li f’dawk il-jiem ta’ qabel il-konkors, it-tfajliet kontestanti ħarġu l-personalità u anke l-karattru tagħhom li xi wħud offrew varjeta’ kbira fl-imġiba. Madankollu hi stess qalet li kull tfajla esponiet kwalitajiet sbieħ.

Hi faħħret ukoll l-organizzazzjoni ta’ Kersten Borg u Shanice Borg li kienu impekkabbli u professjonali f’dak kollu li għamlu speċjalment għax għamlu l-ħajja tal-kontestanti waħda sempliċi.

Iżda kif beda kollox eżattament?

“Kollox beda meta Shanice Borg ikkuntattjatni fejn talbitni sabiex naħtaf din l-opportunità li nieħu sehem f’dan il-konkors tas-sbuħija. Għall-bidu ma tajthiex risposta mal-ewwel iżda ma tantx domt m’aċċettajt fejn mal-ewwel mort nagħmel sett ta’ ritratti ma’ fotografu apparti li bdejt kamanja ta’ reklamar. Nistqarr li mal-ewwel drajt dan l-ambjent għalkemm it-tfajliet kollegi tiegħi kienu xi ftit eċitati. Anzi fil-fatt kont jien li bdejt nipprova nikkalmahom u rnexxieli wkoll.”

Cherise semmiet li hi involuta fil-knejjes u l-każini tal-madwar. Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol u mal-immudellar?

“Ejja ngħidu li mhux xi ħaġa faċli li nagħmel dan iżda nemmen ħafna fl-organizzazzjoni tal-ħin. Jekk ma nippjanax kollox bir-reqqa żgur li ma nlaħħaqx. Għalkemm xorta nemmen li jekk trid tagħmel xi ħaġa, żgur li se ssib ħin għaliha.”

Spiteri qalet li se tkun qed taħdem qatigħ sabiex fil-kampanja tagħha tippromwovi Missjoni Uganda.

“Dan is-suġġett hu għal qalbi ħafna għax inkun qed ngħin lin-nies fil-bżonn li ċertament huma ħafna f’dan il-pajjiż. Barra minn hekk se nkun qed naħdem fuq temi oħra inġenerali fosthom l-għoti tad-demm u anke li nqajjem kuxjenza dwar kemm hu importanti li kull individwu jieħu ħsieb saħħtu”.

Iżda kif qed tara l-futur tagħha Cherise Spiteri?

“Hemm ħafna pjanijiet iżda naħseb li wieħed għandu jħalli kollox f’idejn Alla. Jien nemmen ħafna fih filwaqt li nafda fil-pjanjiet tiegħu. Meta nagħmel hekk, kollox jiġi f’postu.”

Finalment bħala messaġġ finali Miss Malta 2024 ħeġġet aktar tfajliet sabiex jippruvaw jieħdu sehem f’dan il-konkors fejn wieħed jieħu esperjenza kbira filwaqt li jagħmel ħbieb ġodda.

Aktar dwar is-serata finali…

Cherise Spiteri rebħet Miss Malta 2024 meta l-Ħadd filgħaxija ttellgħet serata speċjali f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan. Din kienet il-61 edizzjoni ta’ dan il-konkors tas-sbuħija.

Spiteri kienet qed tirrappreżenta l-Kalkara, lokalità li tinsab fin-nofsinhar ta’ Malta. Hi ser tkun qed iġġorr it-titlu għas-sena li ġejja, qabel eventwalment jibda vjaġġ ieħor ta’ dan l-avveniment annwali.

Ritratt: Patrick Pisani

Sadanittant it-tieni post intrebaħ minn Lexine Farrugia għal-lokalita ta’ Ħad-Dingli. Hija ngħatat it-titlu ta’ Miss Republic of Malta.

Alexia Cutajar, Miss Żurrieq, klassifikat fit-tielet post u kisbet it-titlu ta’ Miss Tourism of Malta.

Fir-raba’ post, Yasemin Ertugrul, li rrappreżentat il-lokalità tal-Madliena u li ħadet ukoll it-titlu ta’ Miss Grand Malta. Finalment f’isem ix-Xemxija, Karolina Bordian, ngħatat it-titlu ta’ Miss Top Model.

Ekonomija

Sport