Wednesday, March 12, 2025

“Se nkompli naraw li jintlaħaq bilanċ”- Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

L-imwejjed u s-siġġijiet fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex

Aqra wkoll

“Se nkomplu ninsistu li jintlaħaq bilanċ”. Hekk iddikjara l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jitkellem fil-Parlament wara mistoqsija parlamentari mid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar li talbet informazzjoni lill-Ministru dwar il-Masterplan li ġie propost għal Pjazza San Ġorġ, tar-Rabat Għawdex.

Il-Ministru fisser il-proċess involut li kien jinvolvi li l-Awtorità tal-Artijiet tapplika mal-Awtorità tal-Ippjanar biex skont il-policies u l-proċessi ta’ din l-Awtorità jinħareġ il-permess għat-twettieq tal-Masterplan. Kien għalhekk li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat it-talba għall-permess biex issir il-konsultazzjoni meħtieġa ma’ kull min huwa interessat. Jekk kemm-il darba l-permess ikun approvat, l-Awtorità tal-Artijiet imbagħad tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra talbiet għal encroachments skont il-Masterplan.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li kien hemm żewg rafġunijiet ewlenin li wasslu lill-Awtorità tal-Artijiet biex tieħu din id-direzzjoni. L-ewwelnet kien hemm encroachments li nħarġu matul is-snin u li l-mod li bih inħarġu, xejn ma kienu uniformi ma’ xulxin. It-tieni raġuni kienet li in-numru ta’ stabbilimenti f’din il-pjazza żdied b’mod notevoli u għaldaqstant kellu jsir xi ħaga. L-Awtorità tal-Artijiet ikkunsidrat l-ilmenti li kienu qed isiru dwar l-organiżazzjoni f’din il-pjazza u ddeċidiet li jsir il-Masterplan.

Huwa emfasizza li s’issa ninsabu fl-istadju ta’ applikazzjoni tal-Awtorità tal-Artijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar u li l-proposta tal-Masterplan kienet suġġetta għall-iskrutinju pubbliku. Saru rappreżentazzjonijiet fost l-oħrajn mill-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ u anke mill-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex u l-perit inkarigat minn dan il-Masterplan intalab jiltaqa’ magħhom biex jiġu kkjarifikat għadd ta’ punti. Il-Ministru qal li jinsab infurmat li ż-żmien għas-sottomissjonijiet issa għalaq u skont il-kummenti li daħlu l-Awtorità trid tara kif l-applikazzjoni għandha timxi ‘l quddiem.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr li l-għan aħħari tal-Awtorità huwa li l-pajjiż ikollu Masterplan għal din il-pjazza, masterplan li permezz tiegħu ikollna sitwazzjoni organizzata u li jkun żgurat li jintlaħaq bilanċ veru bejn il-ħtiġijiet tal-kommunità u dawk tal-kommunità kummerċjali filwaqt li jkun rispettat l-użu ta’ din il-pjazza.

Għal mistoqsija oħra tad-Deputat Rosianne Cutajar il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar ukoll kif l-Awtorità tal-Artijiet nidiet sejħa pubblika biex jiġu ngaġġati periti li jaħdmu fuq Masterplan dwar Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta.

Fit-tweġibiet tiegħu il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal ukoll li se jkomplu jittieħdu azzjonijiet biex l-Awtorità tal-Artijiet tieħu kompletament f’idejha il-Fortizza ta’ Bengħajsa ħalli din tkun tista’ tibda titgawda min-nies ta’ Birzebbuga. Huwa qal li ġie stabbilit li fil-Fortizza hemm binjiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-istruttura oriġinali u li għaldaqstant għandhom jitneħħew.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport