Saturday, December 14, 2024

“Se nkomplu naħdmu biex Kate tkompli ġġib is-saħħa li għandha bżonn”

Charmaine Ferriggi, omm iċ-ċkejkna Kate li bħalissa jinsabu l-Polonja

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-Tatton Brown Raham Syndrome hija kundizzjoni li fid-dinja hawn biss bejn 150 u 200 persuna b’din il-kundizzjoni. Fost il-persuni li jbagħtu minnha hemm Kate Ferriggi, tifla ta’ 4 snin u li bħalissa tinsab il-Polonja biex saritilha r-raba’ operazzjoni fil-pala ta’ saqajha sabiex llha aktar stabbilità li toqgħod bilwieqfa. Bħalissa qegħdin isiru diversi terapiji fuq iċ-ċkejkna, fosthom it-terapija vojta. Din it-tip ta’ terapija tattiva l-ġisem sabiex tikseb qagħda aħjar u tinvolvi f’moviment aktar preċiż.

Dan kollu tfisser minn omm Kate, Charmaine Ferriggi f’intervista li kellha ma’ Talk.mt, fejn saħqet li minkejja li għadha żgħira Kate diġà għaddiet minn ħafna, għalhekk il-familja tagħha se jkunu kollha warajha sabiex jaħdmu aktar ħalli Kate tkompli tkun tifla b’saħħitha u ddeterminata akkost ta’ kollox.

L-omm irrimarkat li t-terapija vojta tenfasizza fuq il-moħħ u dan kollu jfisser li kull tifel u tifla mhux biss jitjiebu fil-kisba tal-ħiliet tagħhom, iżda anki jirnexxielhom ikunu kunfidenti u ferħanin sabiex jimpenjaw ruħhom. Imqanqla b’diversi emozzjonijiet, omm Kate irrakuntat kif wara l-operazzjoni li saritilha Kate, ħadet qatgħa kbira. Dan hekk kif wara l-operazzjoni, Kate kienet qegħda tinżamm għal osservazzjoni u f’salt wieħed niżlilha l-livell tal-ossiġnu. Kawża ta’ hekk kellu jsir x-ray ta’ sidirha u dan ikkonferma li kellha xi problemi fil-pulmun.

Rigward dan, hija żiedet tgħid li minn nhar is-Sibt lil hawn Kate tinsab ħafna aħjar u li ta’ kuljum qegħdin jiġu diversi professjonisti bħal tobba u terapisti sabiex jeżaminawa, hekk kif għalissa baqgħet toqgħod il-Polonja għal kura li għandha bżonn. Meta kienet mistoqsija dwar kemm fadlilha l-Polonja, Charmaiine qalet li l-familja tagħha u hi għandhom minn tal-inqas sal-aħħar ta’ dan ix-xahar u jekk kollox imur sew jerġgħu jirritornaw lura lejn xtutna fil-perjodu sħun tas-sajf. Mill-lum sal-aħħar tax-xahar, Kate se jitneħħielha l-ġibs li sarilha fiż-żewġ saqajn. Dan ifisser li din iċ-ċkejkna se jitneħħielha l-ġibs wara erba’ ġimgħat, fejn wara ssir evalwazzjoni ta’ kif marret l-operazzjoni.

Charmaine Ferriggi qalet li hekk kif il-ġibs jitneħħa, immedjatament hi se tkun qegħda tiġi assessjata u se jsiru anki xi terapiji fis-saqajn. Din il-ħidma kontinwa mhijiex mistennija li tieqaf fil-Polonja imma se tkompli billi diġa’ sar kuntatt mal-Isptar u ma’ diversi terapisti sabiex malli jiġu lura, jkomplu terapiji li jgħinu fil-muskoli tas-saqajn. Din it-terapija se tkun qegħda tgħin lil Kate sabiex issir iktar indipendenti u saħansitra anki titgħallem tikkomunika. Hija żiedet tgħid li; “ Fi ftit xhur ħa nkunu qegħdin nistennew li jasal ir-robotic walker li se jkompli jgħinha fil-vjaġġ tagħha”.

Ma’ dan is-sit, l-omm irrakuntat il-wasla ta’ bintha f’din id-dinja u spjegat anki meta saru jafu li binthom kellha din it-tip ta’ kundizzjoni. Bdiet biex qalet li ċ-ċkejkna tagħhom twieldet fis-6 ta’ Frar tal-2019 b’ras mimlija b’ħafna xagħar u kienet tiżen kważi erba’ kilogrammi u nofs. Meta t-tarbija kellha biss sitt ġimgħat, bdew jinnutaw li kien hemm xi ħaġa stramba. Għalhekk sarulha diversi investigazzjonijiet u screening f’Mater Dei u fl-Isptar Great Ormond Street ta’ Londra. Omm Kate. qalet li għeluq l-ewwel sena ta’ bintha, bintha Kate kellha tagħmel operazzjoni tal-qalb.

Eventwalment erba’ xhur biss wara l-operazzjoni, ħarġu r-rizultati li indikaw li Kate kienet qegħda tbati minn Tatton Brown Raham Syndrome. Rigward din il-kundizzjoni, it-tagħrif li tat huma li din ġiet skoperta fl-2014 u li sa issa għad m’hemmx biżżejjed għarfien dwarha. L-omm qalet li l-karatteristiċi prinċipali ta’ din il-kundizzjoni hija li wieħed jikber b’rata mgħaġġla u li jkollu diżabilità intellettwali minn ħafifa għal severa. Karatteristiċi oħra jinkludu obeżità, żieda fil-piż, problemi fl-imġieba u anke aċċessjonijiet.

Hija tenniet billi għamlet appell sabiex dawk kollha li jixtiequ li jkellmuha jew forsi li jixtiequ li jisimgħu iktar fuq il-Kate għandhom isegwuwha fuq il-paġna tagħha fuq Facebook: Kate: Writing My Strory, fejn hemmhekk tirċievi sapport kontinwu minn bosta. Barra minn hekk, xtaqet tirringrazzja lil dawk kollha li tul dawn l-aħħar xhur u saħanstra ġimgħat taw id-donazzjonijiet sabiex Kate tkun tista’ tirċievi iktar kura.

Dawk kollha li jkunu interessati li jibgħatu xi donazzjoni għandhom jagħmlu dan, billi jibgħatu permezz tar-Revolut jew fuq il-Bov App fuq in-numru 79051866.

Ekonomija

Sport