“Partit Laburista b’saħħtu, tim magħqud, entużjażmu ġdid biex inkomplu niġġeddu u nagħtu saħħitna għal Malta, Pajjiżna.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività politika tal-Partit Laburista fil-Gillieru f’Buġibba bit-tema Inġeddu Malta Pajjiżna.
F’diskors quddiem folla mill-isbaħ, il-Prim Ministru kompla mal-messaġġ sostnut fil-Konferenza Ġenerali ta’ ġimgħa ilu fejn ġie rrimarkat il-bżonn ta’ aktar tiġdid f’pajjiżna. Fil-fatt, il-Prim Ministru aċċenna għal numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu favur dan u anke favur il-ġustizzja soċjali, hekk mill-ġdid assigura li fil-Budget li jmiss il-Gvern se jkun hemm b’saħħa kbira mal-middle-class u l-ħaddiema.
Hekk kif fakkar ukoll li s-soċjal jikkonċerna wkoll ir-realtajiet tan-nies, Dr Abela aċċenna għat-tħabbira tal-miżura li se tkun qed tagħti 100 siegħa ta’ leave mħallas lill-ġenituri li jaħdmu għal rasu u li għaddejjin minn proċess ta’ trattament ta’ IVF. Miżura li tikkumplimenta l-investiment tal-Gvern ta’ €6 miljun biex persuni jieħdu s-servizz li hemm bżonn tal-IVF fi kliniċi privati.
Iżda fil-Gillieru, il-Prim Ministru Robert Abela kellu tħabbira sabiħa oħra, li tirrigwardja l-leave tal-paternità, hekk kif dan ma jgawdix minnu min jaħdem għal rasu.
“Illum nista’ nħabbar li l-leave tal-paternità ser jiġi estiż lill-missirijiet jew tieni ġenitur li jaħdmu għal rashom ukoll. Dak il-leave se nagħmlu tajjeb għalih aħna bħala Gvern u nħallsu bl-istess rata tal-leave tal-maternità li tingħata mara li taħdem għal rasha meta twelled tarbija.”
• Kundanna għall-aġir vjolenti fil-konfront tal-Pulizija
Dr Abela tkellem ukoll dwar il-każ ta’ aggressjoni fil-konfront ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija. Filwaqt li kkundanna dan l-aġir deplorabbli, il-Prim Ministru tenna kif b’rabta ma’ dan il-każ issa għandha ssir ġustizzja skont il-ħaqq u s-sewwa fil-konfront tal-allegat aggressuri.
Huwa saħaq li attakki fil-konfront tal-Korp tal-Pulizija minn persuni f’karigi importanti juru wkoll irresponsabbiltà.
• Il-ħidma mġedda tagħna favur pajjiżna titlob minnha deċiżjonijiet kuraġġużi.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar Glenn Micallef u l-portafoll li ġie assenjat li fost oħrajn jikkonċerna liż-żgħażagħ.
Sostna kif dan kien messaġġ b’saħħtu mill-Kummissjoni Ewropea li jorbot mal-messaġġ tal-Gvern favur twemmin b’saħħtu fl-abbiltajiet tagħhom.
“Ħaddieħor, sfortunatament ma għamel xejn għajr jipprova jagħti gambetti u jipprova jkisser personalment. U nistqarr li tassew huwa ta’ dispjaċir li nara Oppożizzjoni li flok tifraħ li nominat ta’ pajjiżna jista’ jkun il-vuċi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, toħroġ b’reazzjoni fjakka u jekk ma tridx…tinsulenta liż-żgħażagħ għax moħħha biex tkun petty u partiġġjana.”
Fuq is-suġġett taż-żgħażagħ, Dr. Abela għamel aċċenn ukoll għall-attività mill-isbaħ taż-Żgħażagħ Laburisti aktar kmieni din il-ġimgħa.
“Tassew tema wara tema li qamet f’din il-laqgħa, il-perspettiva żagħżugħa kienet waħda li turina bil-fatti kemm iż-żgħażagħ jinteressahom minn pajjiżna. Diskussjonijiet maturi u franki li dan il-Partit irid jagħmel ma’ kulħadd biex inkomplu nġeddu l-politika tagħna,” sostna l-Prim Ministru.
Intant Dr. Abela għamel aċċenn ukoll għall-aħbar li propju tħabbret waqt din id-diskussjoni, dwar it-twaqqif mill-ġdid tal-Qorti Kummerċjali. Huwa spjega kif din id-deċiżjoni hija waħda li ħa tħalli mpatt pożittiv.
Dan flimkien mat-tnedija tal-inizjattiva Vjal Kulħadd hekk kifissa se jkunu qed jiġu sottomessi proposti dwar kif jistgħu jintużaw aħjar il-pjazez u l-ispazji pubbliċi ta’ pajjiżna. Dr Abela sostna li b’hekk għall-ewwel darba f’pajjiżna qed nitkellmu bis-serjetà dwar il-bżonn li nnaqqsu l-użu tal-vetturi u nimbuttaw stili ġodda ta’ ħajja li jista’ jwassal għal ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji tal-lum u ta’ għada.
Qabel temm id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru awgura lill-edukaturi kollha ta’ pajjiżna għas-sena skolastika l-ġdida hekk kif għada se jiftħu l-bibien tal-iskejjel biex huma jkunu jistgħu jagħmlu l-aħħar preparamenti tagħhom. Huwa fakkar fl-aqwa ftehim li ġie ffirmat għall-edukaturi li jagħtihom dak li ħaqqhom filwaqt li jħeġġihom u jinċentivahom jagħtu l-aqwa edukazzjoni lill-uliedna.
Il-Prim Ministru temm isostni li dan il-Partit għandu aktar x’joffri.
“Dal-Partit ma jistax jirraġuna u jgħid ‘Aħna ksibna ħafna, wettaqna ħafna ġid u joqgħod jitkellem dwar il-passat, b’ħafna nostalġija. Dik inħalluha għal ħaddiehor li l-ħin kollhu jitkellem b’mod nostalġiku dwar il-passat. Aħna le għax aħna, mill-Gvern stess qed inkomplu niġġeddu biex nibqgħu l-kittieba tal-ġejjieni u l-bidliet li qed nimbuttaw iħarsu lejn il-futur.”