Saturday, January 18, 2025

“Se nkun b’saħħti ħafna fid-difiża tal-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna”

- il-Prim Ministru jgħid li ntalbet investigazzjoni dwar kif ġiet leaked l-inkjesta tal-WasteServ

Aqra wkoll

“Se nkun b’saħħti ħafna fid-difiża tal-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna, jekk hijiex l-Avukat Ġenerali, jekk hux il-Kummissarju tal-Pulizija, jekk hix il-ġudikatura sħiħa għax jien ma nħarisx lejn uċuħ fil-ġudikatura imma nara korp wieħed tal-ġudikatura li nipproteġih bis-saħħa… dawn l-attakki mhumiex se jiġu ttollerati aktar.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti ma’ dan is-sit b’rabta mas-sentenza li ngħatat mill-Qorti fil-jiem li għaddew fejn ordnat li tinbeda investigazzjoni biex jiġi misjub min għadda rapport ta’ inkjesta lil terzi partikolarment lin-Nutar Robert Aquilina.

Dr Abela beda biex stqarr li huwa qara fid-dettall is-sentenza tal-Maġistrat Nadine Sant Lia u sostna li jinsab ixxukkjat. “Mhux għax ma konniex nafu li qed jiġru dawn l-affarijiet… li l-inkjesti Maġisterjali kienu qed jiġu leaked illegalment konna nafuh,” kompla jgħid il-Prim Ministru. 

“Insemmi inkjesta waħda minnhom, li l-Ħamis li għadda l-Ministru Owen Bonnici talab investigazzjoni dwarha. L-inkjesta tal-WasteServ fejn sfortunatament kien tilef ħajtu ħaddiem. Ir-rapport ta’ dik l-inkjesta maġisterjali ġie ppubblikat illegalment. Jiġifieri għand min dak ir-rapport kien qiegħed f’idejh illegalment ħass li kellu l-impunità li jippubblikah fuq il-midja soċjali.”

Il-Prim Ministru kompla jgħid li dawn huma affarijiet li fil-qasam tal-ġustizzja, fejn huwa stess għamel 20 sena jipprattika ta’ Avukat, qatt ma kien joħlom li jseħħu. Kien hawn fejn staqsa min kien dak li lil Jason Azzopardi tah l-inkjesta tal-WasteServ.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru nnota kif il-Maġistrat Nadine Sant Lia, fis-sentenza tagħha, qalet li quddiemha “jista’ jirriżultalha li hemm ksur tal-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali, li jista’ jkun hemm minn ikkorrompa uffiċjal pubbliku biex jiġi leaked lilu d-dokument tal-inkjesta jew li jista’ jkun hemm min, membru ewlieni tas-soċjetà ċivili nkwistjoni, li allegatament wettaq dikjarazzjoni falza” u għalhekk ħeġġet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga.

Żied jgħid li wara l-għoti tas-sentenza, ir-reazzjoni tal-għaqda Repubblika kienet dik li jmorru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex fi kliemu stess “jintimidaw lil-Kummissarju tal-Pulizija u jgħajru lill-Maġistrat.” Saħaq li dan huwa abbuż tal-ġustizzja għaliex min tassew jemmen fis-saltna tad-dritt u fil-proċess tal-ġustizzja dawn l-abbużi ma jagħmilhomx. “Aħna mgħallmin li għandu jkollok rispett lejn id-deċiżjonijiet tal-Qorti u mhux tipprova tkisser lill-Maġistrat.” 

Finalment, il-Prim Ministru Robert Abela qal li “mbilli jagħmlu xi tattiċi intimidatorji fil-konfront tiegħi, li jgħidu li jniżżluni, nista’ nserrħilhom rashom li aktar se nkun reżolut fid-difiża tiegħi għal dak kollu li huwa mit-tajjeb, mill-ħaqq u mis-sewwa.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport