Saturday, December 21, 2024

“Se nkun jien li jmiss? … Qalli biex nieqaf nilgħabha tal-vittma”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Rapporti lill-Pulizija, ordni ta’ protezzjoni mill-Qorti u talbiet iddisprati għall-għajnuna ma sewx għal Bernice Cassar, l-omm ta’ żewġt itfal li t-Tlieta li għadda nqatlet kiesaħ u biered wara xebgħa fid-dawl tax-xemx f’Raħal Ġdid. Seħħ femiċidju ieħor. Qtil ta’ mara oħra riżultat ta’ vjolenza domestika estrema fis-soċjetà tagħna li għal ħafna qiegħda tonqos lill-vittmi b’sistema kkonsidrata bħala “falluta”. Bernice batiet u ħallset il-prezz qares b’ħajjitha f’mewta traġika, liema mewta qiegħda bħal dell ikrah fuq nisa oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tal-biki tagħha tant li f’pajjiżna għandna nisa li qegħdin jistaqsu jekk id-darba li jmiss li jseħħ femiċidju ieħor, ikunx imiss lilhom.

Il-vuċi tal-poplu tgħodd u grazzi għal dawk li għandhom il-kuraġġ li jitkellmu, kif ukoll għall-messaġġ fuq il-midja soċjali, illum il-ġurnata għandna stampa aktar ċara tar-realtà hemm barra. Kumment li ħareġ fi grupp fi pjattaforma tan-nisa ġibdilna l-attenzjoni u ta’ min wieħed verament jieqaf u jaħseb. Imma aktar importanti minnhekk, ta’ min wieħed li għandu l-poter li jagħmel xi ħaġa, jieħu azzjoni immedjata ħalli l-biżgħa li hemm fost in-nisa minħabba każijiet rikorrenti ta’ femiċidju, tittaffa u kemm jista’ jkun malajr, tiġi eliminata.

Il-vittma kienet imbeżża’ u mdejqa…

“Min jaf kemm hawn min qiegħed jaħseb… Se nkun jien li jmiss? Sistema falluta għandna sfortunatament”. Hekk qalet mara f’konversazzjoni online li kibret mhux ħażin mal-aħbar li Bernice inqatlet u ħalliet żewġt itfal żgħar warajha. Din it-traġedja xxokjat lil ħafna iżda fl-istess ħin u dan juri l-gravità tas-sitwazzjoni, hemm ħafna nisa hemm barra li huma wkoll m’humiex isibu s-support meħtieġ mis-sistema lokali u qegħdin jgħixu fil-biża’.

In-nuqqas fis-sistema huwa kkonfermat minn oħt il-vittma stess. Din kitbet li oħtha l-għażiża kienet imbeżża’, li rrapportat u bkiet għall-għajnuna iżda “l-awtoritajiet qatt ma verament taw kas”. Hija spjegat li proprju fil-lejl ta’ qabel li nqatlet, Bernice kien imdejqa għax wasal żmien il-Milied u hija kienet fi ġlieda qalila biex tissalvagwardja s-sigurtà tagħha u dik ta’ wliedha.

“Hawn ħafna bħalek… inkluża jien”

“Ir-rapporti li jsiru huma ta’ xejn u meta jsiru jdumu x-xhur jekk mhux is-snin. Il-vittmi mhumiex jittieħdu bis-serjetà fejn messaġġi u anke recordings mhumiex biżżejjed. Jekk ma jkollokx ċertifikat ta’ tabib ma tiġix emnuta u l-assessjar ta’ riskju kollha jkunu baxxi avolja jkollok il-provi. Tal-Appoġġ ma jistgħu jagħmlu xejn ħlief li jisimgħuk fuq it-telefon. Sistema falluta għall-aħħar u min jgħaddi minnha jaf x’jiġifieri. Qumu mir-raqda. Din il-mara setgħet baqgħet ħajja. Dan kollu tort tal-ġustizzja. Strieħ Bernice. Ma nafekx imma hawn ħafna bħalek, inkluża jiena”. Dan kien messaġġ ieħor li miegħu kien hemm elenku twil ta’ nisa li fid-dwejjaq u d-disperazzjoni tas-sitwazzjoni jipprovaw isibu wens f’xulxin. Bernice, fil-fatt, kient membru. Kienet waħda minnhom.

Il-kummenti li kieku kellna nippubblikawhom kieku ngħalqu gazzetta sħiħa minn tal-inqas kienu ħafna iżda l-aktar komuni barra l-kondoljanzi u l-ħasra għall-mewt ta’ din l-omm, kienu dawk li: “dan qatt ma kellu jseħħ”, “aħbar kerha wisq dalgħodu”, “is-soċjetà reġgħet naqset lejn mara oħra”, “tħoss li ħadd m’huwa jisma’ l-għajta tiegħek”, “inħossni rrabjata ferm għax dan il-qtil seta’ ġie evitat”, “każ xokkanti u d-demm qiegħed fuq idejn l-awtoritajiet”, “kollox jibqa’ l-istess u nkomplu għaddejjin bil-qtil”, “għaliex mara trid tispiċċa mejta biex il-każ jittieħed bis-serjetà?”, “din hija r-realtà li ngħixu fiha”, “għaliex ħadd mhuwa jisma’ l-karba tagħna?”, “qegħdin jiġru ta’ spiss wisq” u “Bernice mhiex l-ewwel waħda u mhux se tkun l-aħħar waħda”.

Kumment interessanti li se nagħlqu bih kien minn persuna li tidher li hija midħla sew tad-dinja tal-vittmi ta’ vjolenza domestika. Din qalet li, “sfortuntament għal min ħadem ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika, din l-aħbar hija tassew tas-swied il-qalb. Il-mewta tagħha hija ta’ dieqa kbira imma mhux ta’ sorpriża. Is-sistema tagħna għandha bżonn bidla totali mill-qiegħ. Din il-mara għamlet minn kollox rikjest u pprovdut biex tkun protetta mil-liġi iżda xorta ma kienx biżżejjed”.

“Qalli biex nieqaf nibki u nieqaf nilgħabha tal-vittma”

In-nies qegħdin isemmgħu leħinhom u bl-esperjenzi tagħhom naraw sitwazzjoni inkwetanti. Persuna oħra ta’ min jaqsam l-esperjenza tagħha kitbet li, “l-affarijiet ma ċċaqalqu xejn. 20 sena ilu kont stuprata u rabbejt il-kuraġġ biex immur għand il-pulizija ħalli nirrapporta fejn anke tajthom l-ismijiet. Is-suprintendent qalli biex nieqaf nibki u nieqaf nilgħabha tal-vittma u li huwa ma jista’ jagħmel xejn dwar dak li ġrali għax m’għidtilhomx mill-ewwel. Kelli 14-il sena meta seħħ il-każ u r-rapport qatt ma ġie pproċessat. Sfortuntatament b’dispjaċir ngħid li m’inix sorpriża li l-vjolenza domestika, sal-ġurnata tal-lum, hija indirizzata bl-istess mod”.

Issa, jekk, barra l-fatt li għandna lista ta’ tħassib ta’ nisa vittmi ta’ femiċidju, il-vuċi tal-poplu hija daqshekk ċara, ikun tajjeb li niftħu għajnejna u widnejna, kif ukoll inxammru l-kmiem u nagħmlu xi ħaġa. Il-persuni li għandhom is-setgħa li jagħmlu din il-bidla tant meħtieġa issa, jafu.

Ekonomija

Sport