Tuesday, December 24, 2024

Se tibda riforma fil-Qorti tal-familja u aktar ħidma fil-kura tas-saħħa mentali b’enfasi fil-komunità 

Aqra wkoll

Il-ħsieb Soċjalista li nħaddnu bħala Laburisti jagħmilna ma nwarrbu lil ħadd iżda li nkunu hemm għal kulħadd. Kien dan il-messaġġ ewlieni li miegħu bena madwaru d-diskors li għamel il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attività mill-isbaħ fil-Qawra quddiem folla li nġabret biex tisma’ l-Prim Ministru u li tkellem fuq esperjenzi li jmissu magħhom in-nies hekk kif fi ftit tal-jiem oħra, Gvern Laburista dieħel f’sena oħra ta’ leġiżlatura. 

Dwar l-esperjenzi li jkollu man-nies, il-Prim Ministru rrefera għal żjara li kellu din il-ġimgħa f’Monte Carmeli. Qal li hemm qatta’ nofs ta’ nhar mill-isbaħ fejn qawwa qalbu quddiem id-dedikazzjoni liema bħalha tal-ħaddiema u l-professjonisti f’dan l-isptar. Filwaqt li bagħtilhom messaġġ ta’ kuraġġ qal li bħala Gvern irridu nagħmlu ferm aktar fis-settur u rrimarka li s-suċċess fil-ħidma f’dan il-qasam trid tkompli bil-ħidma marbuta fil-komunità. “Servizz ġdid li introduċejna ta’ infermiera u psikjatri fil-komunità qed iwassal biex inqas ikunu l-persuni li jkunu jeħtieġu l-isptar. Disgħa minn kull għaxar persuni li użaw is-servizz evitaw il-ħtieġa ta’ sptar”, spjega l-Prim Ministru hu mbagħad jisħaq li rridu nsaħħu u ntejbu b’infrastruttura moderna għal min jeħtieġ il-kura anki fi sptar. 

Il-Mexxej Laburista saħaq li aħna qegħdin fil-politika biex intejbu l-ħajja tan-nies u biex kulħadd ikollu vuċi u aċċenna li issa li se tkompli l-ħidma tal-Gvern, hekk kif tibda sena oħra ta’ leġiżlatura, trid tkun fuq riforma kbira fil-Qorti tal-familja. Aspett li jmissu tant familji miegħu f’ċirkostanzi u sfidi differenti. Il-kwalità tal-ħajja hija ċirku sħiħ, mhux biss ix-xogħol, l-edukazzjoni, l-ambjent u s-servizzi li joffri l-pajjiż, li huma importanti iżda daqstant ieħor ir-relazzjonijiet bejnietna. “Irridu pajjiż li joffri appoġġ ikbar u aqwa lill-familji li jkunu għaddejjin mill-għawġ fejn l-isfida tonqos u mhux tikber”, aċċenna l-Prim Ministru Robert Abela. Qal li l-manifest ‘Malta Flimkien’ jiggwida dwar dan b’miżuri li jolqtu fost oħrajn il-parental alienation, l-indirizzar tad-dewmien fil-każijiet ta’ separazzjoni u t-tisħiħ tal-medjazzjoni. Dr Abela qal li se ssir riforma kbira li dwarha se nikkonsultaw fuq livell ta’ pajjiż sħiħ imbagħad se jkollna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet favur il-ġid komuni għaliex nemmnu li rridu komunitajiet b’saħħithom anki fejn jidħol it-tessut soċjali. 

Il-Prim Ministru mbagħad f’San Pawl il-Baħar innota l-ħidma tal-Kunsill Lokali f’dik il-lokalità u l-iskola Primarja tal-Qawra state-of-the-art fost investiment f’ambjent isbaħ għal uliedna waqt il-vjaġġ edukattiv tagħhom. Dr Abela semma l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Buġibba u kif issa dieħel f’fażi ġdida fejn fil-ġimgħat li ġejjin joħorġu t-tenders biex nerġgħu nagħtu proġett sabiħ f’Buġibba sa minn Gvern Laburista tal-1996. Il-Mexxej Laburista rrimarka wkoll għal ċertifikat ieħor b’saħħtu għall-ekonomija Maltija, din id-darba minn Fitch Ratings fejn tat l-ewwel A+ għall-ekonomija Maltija din is-sena. Innota kif l-esperti internazzjonali qalu li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta jiżboq dak li kienu bassru huma stess qabel. Innota wkoll kif fuq in-naħa l-oħra hemm Oppożizzjoni populista li ma jinteressahiex mis-soluzzjonijiet. 

Lejn tmiem l-indirizz tiegħu quddiem l-entużjazmu ta’ dawk preżenti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa għalhekk li fit-8 ta’ Ġunju jrid jintbagħat messaġġ ċar dwar jekk irridux Partit li kabbar l-ekonomija jew dak li staġna l-ekonomija, jekk irridux kandidati eletti li jappoġġjaw l-investiment fin-nies jew dawk li jridu li jonfqu l-fondi pubbliċi fl-armamenti. Fuq kollox qal dwar għażla jekk irridux kandidati Laburisti li f’qalbhom tħabbat l-għajta ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox jew dawk li f’qalbhom hemm biss il-karriera tagħhom l-ewwel u qabel kollox. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li għalhekk fl-għaqda hemm is-saħħa u stieden lin-nies biex ikunu mal-moviment Laburista kif kienu fl-aħħar snin biex inkomplu nkunu l-pajjiż tal-opportunitajiet u tas-suċċessi u biex nibqgħu nsaħħu Malta tagħna. 

Ekonomija

Sport