Wednesday, April 17, 2024

Se tibda topera ċ-Children’s House – Post fejn it-tfal jixhdu f’ambjent adattat għalihom

Aqra wkoll

“Pajjiżna laħaq tragward ferm importanti fil-qasam tal-ħarsien u l-protezzjoni tat-tfal. Illum qed inħabbru li se tibda topera ċ-Children’s House f’Santa Venera. Din l-infrastruttura se tkun qed isservi bħala post fejn tfal li jkunu mitluba jixhdu, jagħmlu dan f’ambjent li huwa child-friendly, u li hu adattat għat-tfal, għal kuntrarju ta’ dak li kien qed jiġri sa issa fil-Qorti,” saħaq il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Socjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet.

L-investigazzjonijiet kriminali li jinvolvu x-xhieda tat-tfal se jkunu qed isiru f’dan il-post biss, filwaqt li jkunu live-streamed, bis-seduta tkun segwita b’mod dirett mill-Imħallef. Dan il-mudell kien żviluppat għall-ewwel darba fl-Islanda fl-1998, u sa issa mal-għoxrin pajjiż beda jħaddem din is-sistema. 

Din hija riforma ewlenija oħra bħala parti mil-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li daħlet fis-seħħ f’Lulju tas-sena l-oħra. Dan il-post se jserv wkoll biex it-tfal jingħataw l-appoġġ u t-trattament permezz ta’ għajnuna ta’ professjonisti bħal psikologi.

L-Avukat Andy Ellul spjega li dan il-mudell jassigura li minuri, kemm waqt investigazzjonijiet kriminali, proċeduri ġudizzjarji, kif ukoll waqt proċeduri ta’ ħarsien, jiġu mitkellma minn professjonisti u fl-istess waqt isir assessjar dwar jekk ikun hemm bżonn ta’ intervent mediku jew psikoloġiku. 

Dan il-mudell, li jevita dik li tissejjaħ secondary victimisation, jgħin biex tiġi ppreservata l-evidenza b’mod konkret, kif ukoll jassigura li jkun hemm smigħ xieraq skont il-liġi. Malta issa hija konformi ma’ kwalunkwe liġi internazzjonali f’dan il-qasam, temm jgħid Dr Ellul.

“Dak li għamilna llum huwa xhieda ta’ kemm il-politika tal-gvern fil-qasam tat-tfal hija ħajja, u qed inkomplu nbiddlu dak kollu possibbli sabiex nissalvagwardjaw l-interessi tat-tfal. Bħala gvern, ninsabu kommessi biex inbiddlu kull fejn hemm bżonn, għax din hija ligi ħajja, u kien għalhekk li komplejna nagħmlu emendi biex inkomplu ntejbu l-qagħda tat-tfal. Din is-sena rajna wkoll enfasi fuq il-mandatory reporting, biex b’hekk issa kull professjonist huwa obbligat li jirrapporta każijiet ta’ abbuż fuq tfal. Se nkomplu niġġeddu u nisimgħu l-esperjenzi tat-tfal infushom, il-familjari tagħhom, u l-professjonisti li tant jaħdmu b’dedikazzjoni ma’ dawn it-tfal,” ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport