Thursday, April 18, 2024

Tagħlim tal-mużika għal tfal b’abiltajiet differenti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġie inawgurat uffiċjalment iċ-Ċentru Villabianca għall-Mużika u l-Arti f’Birkirkara, fejn tfal u żgħażagħ b’abiltajiet differenti se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu l-mużika fl-istess waqt li jkomplu jiżviluppaw u jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Dan iċ-ċentru, li huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, kien inawgurat mill-President Emeritu u Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca. F’dan iċ-ċentru se jkunu offruti lezzjonijiet ta’ mużika adattata għal dawn l-individwi flimkien ma’ terapija bil-mużika. 

Fost dawk preżenti għall-inawgurazzjoni taċ-ċentru kien hemm Quiven Ellul, tifel ta’ seba’ snin li għandu impediment f’għajnejh iżda għandu l-kapaċità li jdoqq il-pjanu u Alessia Bonnici, mużiċista ta’ 16-il sena li għandha l-kundizzjoni tal-awtiżmu. 

Fil-kummenti tagħha, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marie-Louise Coleiro Preca qalet li temmen li t-tfal kollha għandu jkollhom aċċess għall-mużika u l-arti li permezz tiegħu jistgħu jesprimu l-esperjenza artistika u kreattiva tagħhom. Dan filwaqt li tgħinhom jiżviluppaw aktar fil-mod ta’ kif jikkomunikaw u jesprimu lilu nfushom. 

“Villabianca se toffri tali opportunità u appoġġ professjonali għat-tfal u żgħażagħ kollha b’abbilitajiet differenti biex dawn jilħqu skopijiet ġodda f’ħajjithom,” tenniet Coleiro Preca li spjegat ukoll li din il-ħolma ma setgħetx issir realtà mingħajr l-impenn tas-settur privat. 

L-imsieħba internazzjonali tal-Fondazzjoni, inkluż il-Prof. Adv. Emmanuele F. M. di Villabianca, Barone di Clcasi, Fondazione Terzo Pilastro Internazionale, u 15-il negozju lokali għenu biex seta’ jitwaqqaf dan iċ-ċentru.

Huwa stmat li kull sena dan iċ-ċentru jeħtieġ mal-€220,000 biex ikun jista’ jopera, għaldaqstant l-għajnuna tal-entitajiet privati hi kruċjali. Iċ-ċentru tbierek mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. 

Ekonomija

Sport