Friday, April 26, 2024

Sergio Aguero mġiegħel jirtira minħabba kundizzjoni f’qalbu

Aqra wkoll

Sergio Aguero beka bla kontroll hekk kif ammetta li kien ġie mġiegħel jirtira minħabba kundizzjoni tal-qalb, fil-Camp Nou nhar l-Erbgħa.

Quddiem il-manager ta’ Manchester City, Pep Guardiola, Aguero ammetta li meta sar jaf li l-karriera tiegħu kellha tintemm ħesrem meta għad għandu biss 33 sena kienet diffiċli biex jaċċettaha.

Iżda wara filmat tal-isbaħ goals tiegħu, u ammissjoni li l-goal tiegħu tar-rebħ tal-kampjonat għal Manchester City huwa wieħed mill-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħu daħak dwar il-mod kif irid jibqa’ jkun mfakkar.

‘Mhux f’idejja,’ huwa qal. ‘Jiddependi minn ħaddieħor’.

Guardiola u l-manager attwali ta’ Barcelona Xavi mbagħad ingħaqdu ma’ Aguero fuq il-palk quddiem il-ground tal-Camp Nou li Aguero bilkemm kellu ċ-ċans jilgħab fil-ħames xhur tiegħu fil-club.

Mistoqsi dwar l-aqwa mumenti tal-karriera tiegħu, huwa tkellem l-ewwel dwar goal famuż li kien skorja għal Independiente fl-Arġentina kontra Racing meta kellu biss 16-il sena, u mbagħad meta għen lil Atletico Madrid jassiguraw l-Europa League kontra Fulham fl-2010.

Imbagħad qal: ‘Il-goal kontra Queen’s Park Rangers għax fisser li kont irbaħt l-ewwel Premier League tiegħi, u Man City kienu rebħu l-ewwel Premier League tagħhom.’

Kien hemm ukoll aċċenn min-naħa tiegħu għar-rebħ tal-Copa America din is-sena flimkien ma’ Lionel Messi li kien jemmen li kien se jingħaqad miegħu meta mar jilgħab ma’ Barcelona, biss dan ma seħħx għax Messi ingħaqad ma’ Paris Saint Germain. Ukoll semma l-aħħar goal tiegħu għal Barcelona kontra Real Madrid.

Sport