Sunday, January 19, 2025

Se tittella’ t-tieni edizzjoni tal-kunċert ‘Sempre Vivo’ fix-Xagħra b’risq Puttinu

Aqra wkoll

Wara s-suċċess li kellha s-sena l-oħra l-attività Sempre Vivo – Dejjem Ħaj, din is-sena se terġa’ tittella’ fi Pjazza Vittorja, ix-Xagħra, fil-11 ta’ Awwissu li ġej. Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

Dan il-kunċert uniku u b’għan nobbli, organizzat mill-“Karus l-Aħmar”, kien sar sabiex titfakkar il-memorja ta’ individwu li miet bil-kanċer u bil-għan li jinġabru l-flus għal Puttinu Cares sabiex ikomplu jgħinu lil dawk li għaddejjin minn problemi ta’ saħħa u lill-familji tagħhom.

“Wara s-suċċess li kellu dan il-kunċert is-sena l-oħra, tant li nġabru €36,000 b’risq Puttinu Cares, din is-sena se tittella’ t-tieni edizzjoni tiegħu”, fisser il-Ministru Camilleri. Huwa kompla jgħid li din l-attività mhux biss misset il-qlub ta’ ħafna, imma wriet is-saħħa tal-unità u l-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi. “Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd sabiex fil-11 ta’ Awwissu jattendu għall-kunċert ‘Sempre Vivo’ sabiex bħala komunità nissapportjaw, infakkru u niċċelebraw il-ħajja permezz tal-mużika”.

Il-kunċert ta’ din is-sena se jkun wieħed memorabbli fejn se jindaqqu ġeneri differenti ta’ mużika fosthom: rock, pop, gregorjan u anke mużika ta’ tifħir lil Alla. Se jkun hemm ukoll orkesta live u band akkumpanjati minn diversi kantanti stabbiliti u oħrajn ġodda. Għal din is-sena wkoll se jkun hemm għall-ewwel darba kor tat-tfal.

L-organizzaturi jħeġġu lil kulħadd jattendi sabiex ikomplu jgħinu lil Puttinu Cares.

Sport