Saturday, December 21, 2024

Se titwal ir-runway tal-Heliport tax-Xewkija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qed jinvesti fil-faċilitajiet tal-Heliport tax-Xewkija f’Għawdex bil-għan li tiġi mtawla r-runway eżistenti iżda f’dan il-proġett mhux se tintmiss art agrikola. 

Il-mudell li mistenni jkun użat huwa simili għal dak użat fil-każ tal-fast ferry fejn ġew offruti faċilitajiet għal bastimenti biex is-settur privat resaq ‘il quddiem u investa f’dan is-settur. Għaldaqstant huwa ttamat li s-suċċess tal-fast ferry jiġi rreplikat fis-servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer. 

Dan żvelah il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt li fil-Parlament kienet għaddejja d-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji għall-Ministeru ta’ Għawdex kif imħabbra fil-Budget 2022. 

Il-Ministru Camilleri esprima l-konvinzjoni tiegħu li dan il-proġett se jitwettaq għaliex “meta nagħtu l-kelma li jsir proġett, naraw li nwassluh u dan jibda jaħdem.” Huwa spjega li dan il-proġett se jagħti opportunità għal ajruplani ta’ daqs li jġorru bejn disa’ u 11-il passiġġier li joperaw bejn iż-żewġ gżejjer. 

Qal li wieħed irid jifhem li dan l-invesiment, possibilment se jattira wkoll skejjel tal-ajru li jgħallmu lil piloti biex isuqu dawn it-tip ta’ ajruplani. Il-Ministru Camilleri qal li diġa’ kien hemm rispons għal testing ta’ drones fuq livell industrijali.

“Dan il-proġett, li konvinti li se nwettqu, mhux biss se jtejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer iżda se jattira investiment ġdid lejn il-gżira ta’ Għawdex,” tenna l-Ministru għal Għawdex.

Ekonomija

Sport