“F’dan l-aħħar għaxar snin, ovvjament kien hemm avvanzi notevoli u issa sta għalina li nisfruttaw l-opportunitajiet li tagħtina il-liġi biex kemm jsta’ jkun issa nlaħħqu ma’ pajjiżi barranin. Jiena ma neskludix fil-futur għax nemmen li ma għandna xejn inqas minn ħaddieħor u nistgħu niksbu riżultati bħal ta’ ħaddieħor”
Dan iddikjarah l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’kumment li ta lill-dan is-sit, hekk kif kien preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, li fiha ħabbar li l-Gvern se jkun qed jinvesti €6 miljun għal proċeduri tal-IVF.
Il-Ministru Abela ddeskriva l-IVF f’pajjiżna bħala dixxiplina li għadha żagħżugħa. Qal li dan minħabba diversi raġunijiet, fosthom dawk kulturali u reliġjużi. Qal ukoll li meta nikkomparaw ruħna ma’ pajjiżi oħra, il-leġiżlazzjoni favur l-IVF damet ma ħadet ir-ruħ f’pajjiżna.
Huwa sostna li l-Gvern kommess li jibqa’ jagħti s-sostenn meħtieġ u jkompli jtejjeb is-servizz offrut. Spjega li wara diskussjonijiet li saru mar-regolatur ewlieni ta’ dan is-settur, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA), il-Gvern se jkun qed jidħol f’negozjati mal-uniku “Tissue Establishment” liċenzjat f’ Malta u li joffri s-servizzi kollha tal-IVF fil-privat.
Huwa kompla jispjega li fi żmien sitt xhur, se jkunu qed joffru s-servizz lil madwar 650 ġenituri prospettivi bl-ispiża kollha titħallas mill-Gvern. Dawn jinkludu 300 ġenituri prospettivi li se jkunu qed jagħmlu l-IVF; madwar 200 ġenituri prospettivi oħra li llum għandhom l-embrijuni krijopreservati f’Mater Dei u qed jistennew “embryo transfer”; madwar 100 ġenituri prospettivi li qed jistennew IVF bl-użu ta’ “donor oocytes” jew “donor sperm”; u madwar 50 ġenituri prospettivi li ser jingħataw is-servizz tal-IUI kif ukoll s-servizz ta’ PGTM fejn meħtieġ.
Il-Miniistru temm jgħid; “Dan qed isir sabiex filwaqt li nnaqqsu ż-żmien ta’ stennija, il-ġenituri prospettivi se jkunu qed jirċievu s-servizz meħtieġ minnufih, bl-ispiża tiegħu se jkun qed ikoprija l-Gvern”.