Sunday, December 29, 2024

Se tkun tista’ tiċċekkja jekk is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek instabux ħatja ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Il-Parlament ta’ Malta beda jiddiskuti dwar l-abbozz ta’ liġi li se jkun qed jgħin persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika u jagħti l-appoġġ meħtieġ biex ikisser iċ-ċirku ta’ vjolenza.

Dan l-abbozz, ġaladarba jgħaddi mill-istadji parlamentari kollha, se jagħti l-possibbiltà li persuni li qegħdin f’relazzjoni intima jistgħu jagħmlu applikazzjoni mal-pulizija fi ħdan il-Victim Support Agency biex jiċċekkjaw jekk is-sieħeb/sieħba tagħhom instabu ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat.

Is-sistema se turi biss sentenzi ta’ vjolenza domestika fejn persuna tkun instabet ħatja, u mhux allegazzjonijiet jew każijiet li għadhom pendenti quddiem il-qorti. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat l-protezzjoni tad-data, il-Pulizija trid tivverifika d-dritt tal-applikant għall-informazzjoni billi tissodisfa kriterji speċifiċi. Fi żmien għaxart ijiem se tkun qed  tingħata risposta, u jekk ikun meħtieġ, tinħareġ twissija tar-riskju ta’ vjolenza domestika, filwaqt li l-persuna f’riskju tingħata l-appoġġ meħtieġ. Meta tinħareġ twissija ta’ vjolenza domestika, il-Pulizija tikkomunika u tispjega r-raġuni għaliex jista’ jkun hemm riskju potenzjali ta’ vjolenza domestika. Professjonisti fi ħdan il-Victim Support Agency se jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli.

Din il-liġi hija wegħda elettorali li l-għan tagħha hu li jonqos ir-riskju ta’ persuni li jisfaw vittmi ta’ vjolenza. L-abbozz ta’ liġi propost huwa ħolqa importanti minn diversi inizjattivi li l-gvern ħa matul dawn is-snin biex isaħħaħ il-ġlieda kontra din il-pjaga soċjali. Dawn jinkludu l-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, għajnuna legali b’xejn għall-vittmi tal-vjolenza domestika, il-ħatra ta’ Kummissarju full-time fuq il-Vjolenza Domestika u Maġistrat iddedikat fuq każijiet ta’ vjolenza domestika.

Ekonomija

Sport