Monday, March 18, 2024

Il-PM jisħaq dwar azzjoni kollettiva waqt is-Summit għad-Demokrazija mtella’ mill-President Amerikan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-valuri demokratiċi huma u se jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern Malti. Is-Summit għad-Demokrazija qed isir fi żmien opportun biex jintbagħat messaġġ kollettiv li l-pajjiżi qed jappoġġjaw lill-Ukrajna u d-dritt li dan il-pajjiż għandu jibqa’ jħaddan il-paċi, il-libertà u d-demokrazija. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors virtwali li għamel lill-mexxejja ta’ diversi pajjiżi u rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u s-settur privat li qed jieħdu sehem f’dan is-summit organizzat fuq inizjattiva tal-Istati Uniti.

Abela spjega wkoll kif il-Gvern Malti ħa azzjoni biex jiġġieled il-ħasil ta’ flus u l-korruzzjoni, bl-implimentar tar-rakkomandazzjonijiet tal-Financial Action Task Force, il-FATF.

Il-Prim Ministru semma kif il-Gvern qed itejjeb l-aċċess tal-ġustizzja u l-informazzjoni billi fost l-oħrajn qed jimplimenta l-istrateġija għad-diġitilizzazzjoni tal-Qrati. Tkellem ukoll dwar l-impenn fit-tisħiħ tal-media f’pajjiżna u l-proposti leġiżlattivi li saru biex jipproteġu lill-ġurnalisti. Qal ukoll li l-gvern kommess li jsaħħaħ dan is-settur bl-introduzzjoni tal-liġi kontra s-SLAPP, kif ukoll se jżid il-multi għar-reati li jsiru fil-konfront tal-ġurnalisti, u se jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kawżi ta’ libell kontra awturi li jkunu mietu.

Semma strateġija u pjan t’azzjoni dwar l-ugwaljanza u l-mainstreaming bejn il-ġeneri li ġew imnedija bil-għan li tidentifika u tegħleb diffikultajiet, preġudizzji u sterjotipi biex jissaħħu l-perspettivi tal-ġeneri f’livelli differenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Prim Ministru temm jgħid li Malta hija kburija li tifforma parti minn dan is-summit għad-demokrazija u qal li jemmen li l-kollettività hija ċ-ċavetta għall-futur.

Ekonomija

Sport