Saturday, December 21, 2024

Seba’ għaqdiet applikaw mal-ARUC biex jikkultivaw u jbigħu l-kannabis

Il-maġġoranza tal-applikanti huma rġiel bejn il-35 u l-45 sena

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Seba’ assoċjazzjonijiet applikaw biex jingħataw liċenzja li tippermettilhom jikkultivaw u jbigħu l-kannabis għall-użu rikreattiv f’pajjiżna, skont kif tippermetti l-liġi. L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) bdiet tilqa’ l-applikazzjonijiet għat-twaqqif u l-liċenzjar ta’ għaqdiet li jikkultivaw u jbiegħu l-kannabis lill-membri fuq mudell li ma jħallilhomx profitt minn Frar li għadda.

11-il assoċjazzjoni oħra rriservaw isimhom u oħrajn jinsabu f’kuntatt mal-ARUC biex japplikaw għal din il-liċenzja.

F’laqgħa mal-ġurnalisti, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità, Leonid Mckay, qal li l-maġġoranza tal-applikanti huma rġiel ta’ bejn il-35 u l-45 sena u li għandhom bejn 51 u 250 membru.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-ARUC, Leonid Mckay

Huwa spjega li l-pass li jmiss huwa li jibda’ l-proċess biex l-assoċjazzjoni tara li l-applikanti huma persuni idoneji, tara li huma konformi ma’ dak li qed titlob l-Awtorità u propju hemmhekk, bil-mod il-mod, l-Awtorità tkun tista’ toħroġ il-liċenzja.

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg qalet li dan huwa proċess ġdid għal Malta li qed iservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra. Hija kienet ċara u qalet li l-mudell ta’ pajjiżna f’dan il-kunċett ma jħallix profitt lill-assoċjazzjonijiet, ma jippermettix reklamar u jara li żgħażagħ ma jkollhomx aċċess għall-kannabis fost miżuri oħra. Fil-ġimgħat li ġejjin l-ARUC se tkun qiegħda tiltaqa’ ma’ pajjiżi oħra li qegħdin jesploraw kif jistgħu jirregolaw il-kannabis f’pajjiżhom.

Ekonomija

Sport