Tuesday, December 24, 2024

Seba’ każi oħrajn rapportati, bi tlieta minnhom imorru x-xogħol b’sintomi ta’ coronavirus

Aqra wkoll

Matul l-aħħar 24 siegħa seba’ persuni rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 wara li saru 738 swab. Minn dawn is-seba’ każi sitta huma każi ta’ trasmissjoni lokali, filwaqt li ieħor huwa relatat ma’ safar. B’dawn il-każi l-ammont totali f’pajjiżna ta’ Covid-19 issa jammonta għal 196 każ.

Is-seba’ persuni li rriżultaw pożitivi għall-Covid-19 jinsabu f’qagħda klinika tajba. Intant fl-ITU għadhom rikoverati żewġ pazjenti, b’wieħed minnhom għadu qed jinżamm fuq ventilator. Madankollu l-kundizzjoni klinika tiegħu kienet deskritta bħala li qed titjieb.

L-ewwel każ jikkonċerna lil mara Maltija ta’ 22 sena li din hija qariba minn persuna li lbieraħ irriżultat pożittiva wara mawra l-Marokk. Dan il-każ inqabad mill-proċess ta’ contact tracing li qed isir mill-awtoritajiet.

Każ ieħor jikkonċerna lil raġel Filippin ta’ 35 sena. Huwa ma kienx imsiefer u ma kellu l-ebda kuntatt ma’ persuni sintomatiċi. Beda juri sintomi fil-25 ta’ Marzu li għadda, u kien rapportat li mar ix-xogħol għal ħin qasir u għaldaqstant qed isir proċess ta’ contact tracing fuq l-impjegati tal-pst fejn jaħdem. Miegħu kien hemm jgħixu żewġ persuni li huma wkoll qed isirulhom testijiet.

Każ ieħor huwa dak ta’ raġel Malti ta’ 48 sena li beda juri sintomi nhar il-31 ta’ Marzu li għadda. Huwa wkoll mar ix-xogħol bis-sintomi u għaldaqstant qed isir contact tracing ma’ min seta’ ġie f’kuntatt miegħu. Seba’ impjegati tal-post fejn jaħdem qed jinżammu fi kwarantina bħala prekawzjoni.

Każ ieħor huwa ta’ raġel Malti ta’ 27 sena li huwa wkoll ma kienx imsiefer. Beda juri sintomu fit-30 ta’ Marzu li għadda u kien rapportat li mar xogħol. Għaldaqstant qed isir contact tracing, b’erba’ kollegi jinżammu fi kwarantina. Persuna oħra li tgħix miegħu qed tinżamm fi kwarantina.

Il-ħames każ huwa ta’ mara Maltija ta’ 59 sena, li kellha kuntatt ma’ żewġ każijiet konfermat u li dawn kollha kienu diġa’ f’kwarantina.

Każ ieħor ta’ trasmissjoni lokali huwa ta’ mara Maltija ta’ 43 sena li bdiet bis-sogħla fit-18 ta’ Marzu mbagħad fis-27 ta’ Marzu kellha dijarea. Hija ma kinitx taħdem u qed isir contact tracing mal-membri tal-familja tagħha.

L-aħħar każ huwa dak ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa Maltija ta’ 26 sena li bdiet turi sintomi fis-26 ta’ marzu. Hija kienet fuq il-post tax-xogħol jum qabel u għaldaqstant qed isir proċess ta’ contact tracing. Dawk li ġew f’kuntatt magħha qed jinżammu fi kwarantina.Chat conversation endType a message…

Ekonomija

Sport