Friday, December 13, 2024

SEGRETEZZA FINANZJARJA

Aqra wkoll

Malta ilha tiġi akkużata li tħalli s-servizzi finanzjarji tagħha jintużaw bħala għodda biex kumpaniji u sinjuruni jkunu jistgħu jevadu li jħallsu t-taxxi dovuti minnhom. Element qawwi f’dan l-użu għadu jintqal hu s-segretezza li tinżamm dwar it-transazzjonjiet li jsiru. Ilna niġu akkużati li aħna ġenna tat-taxxa minn rappreżentanti tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Drajna naċċettaw din l-akkuża.

Issa, hemm indiċi dwar segretazza kif prattikata miċ-ċentri finanzjarji tad-dinja. Jissettja fi skala dwar hekk l-impatt ta’ evażjoni tat-taxxa kkawżata miċ-ċentri finanzjarji kollha. Fl-aħħar verżjoni ta’ din l-iskala, imħejjija mill-organizzazzjoni indipendenti Tax Justice, l-aktar li għandha impatt hi l-Cayman Islands. Immedjatamaent wara, fit-tieni post jiġu l-Istati Uniti!

Malta mhijiex daqstant ’l isfel f’din l-iskala. Biss, qabilha sew, jiġu fost oħrajn, l-Isvizzera, il-Lussemburgu, l-Olanda, ir-Renju Unit u l-Ġermanja. 

Sa fejn naf jien, ħadd minnhom ma tpoġġa fuq xi lista griża…

***

BLA UŻU TA’ FLUS

Qed tiżdied il-pressjoni mal-Ewropa kollha inkluża Malta, biex in-nies tuża mhux flus kontanti fit-transazzjonijiet li tagħmel, imma karti bankarji cards u sistemi simili. Fil-Parlament Ewropew ta’ Brussell issa saħansitra l-banek qed ineħħu l-magni li jipprovduk €500 permezz tal-karta tal-bank. Ma’ kullimkien, Malta inkluża, l-banek qed inaqqsu s-servizzi lill-klijentela ħalli jsarrfu ċekkijiet fi flus jew li jgħaddu flus kontanti mid-depożiti li jżommu.

Minn inħawi differenti, l-messaġġ ħiereġ li dawn l-iżviluppi jimmarkaw bidla kbira u irresistibbli għall-aħjar. Ħalliha li numru sostanzjali ta’ ċittadini qed jitpoġġew fi żvantaġġ kbir għax mhumiex familjari mat-teknoloġija elettronika. 

Biss kif irrimarkali ħabib tiegħi, hemm aspett ieħor ta’ dan kollu li mhux jingħata attenzjoni biżżejjed: dil-bidla lejn soċjetà ta’ bla flus u transazzjonijiet elettroniċi tfisser żarmar sħiħ tal-privazija taċ-ċittadini kollha: dwar fejn ikunu, x’jixtru u xi jħallsu. 

Inkwetanti.

***

KAMPANJA TAJBA

Jidhirli li l-Partit Laburista telaq b’kampanja elettorali effettiva u diretta. Il-kumnikazzjoni hi ffokata u qed tagħraf sa mill-bidu l-punti li l-aktar jittikaw lill-elettorat.

Il-Partit Laburista beda bl-iżvantaġġ li kulħadd iqis – mhux l-anqas fl-istħarriġ tal-opinjoni – li se jirbaħ l-elezzjoni. Min ikun f’dil-qagħda, irid joqgħod attent li ma jintilifx f’kunfidenza żejda; ikollu problema biex jagħmel il-messaġġ tiegħu interessanti; u jista’ jaqa’ għat-tentazzjoni li ma jgħidx l-affarijiet kif inhuma. 

Jidhirli li sa mill-ewwel jiem tal-kampanja, dawn l-isfidi qed ikunu ffaċċjati b’ħila u b’intelliġenza.

Il-Mexxej Laburista Robert Abela jixraqlu kull appoġġ. L-isfida quddiemu u l-Partit Laburista mhijiex ċkejkna. Tinvolvi sentiment ta’ kontinwità ma’ impenn għal titjib u riforma radikali. Biss naħseb li mexjin fit-triq it-tajba.

Ekonomija

Sport