Friday, May 3, 2024

ARA: “Il-Gvern investa fiż-żgħażagħ għax huma l-futur ta’ pajjiżna” – il-Ministru Michael Falzon

Aqra wkoll

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ippreżenta l-ewwel ħames proposti għall-kampanja elettorali tal-Partit Laburista. Dawn jirrigwardjaw fost oħrajn lill-familji, żgħażagħ u anke lill-pensjonanti. Dwar dawn il-proposti u aktar tkellimna mal-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Dr Michael Falzon.

Huwa beda biex jgħid li: “l-ewwel nett ngħid li s-sigriet ta’ din l-amministrazzjoni hi dik li ma tħares lejn wiċċ ħadd u ma tiġġudikax. Il-gvern investa fiż-żgħażagħ għax wara kollox dawn huma l-futur ta’ pajjiżna. Ma ninsewx li din se tkun l-ewwel elezzjoni fejn żgħażagħ ta’ 16-il sena se jkunu qed jivvutaw. Aħna rridu nagħtuhom vuċi għax hekk ħaqqhom. F’dan ir-rigward żidnielhom l-istipendji b’għaxra fil-mija, tajna inċentivi lil dawk li jixtru l-ewwel dar tagħhom u komplejna ninvestu fis-settur tax-xogħol sabiex dawk li għadhom jibdew f’din id-dinja ma jibqgħux lura.”

“Irrid ngħid ukoll li tmenin fil-mija tal-familji Maltin huma sidien ta’ djarhom b’sebgħin fil-mija minnhom li m’għandhomx self mal-banek. Din hi figura sitwazzjoni ferm sabiħa tant li anke l-istess ministru għall-familja u qasam soċjali jfaħħru l-għaqal tal-popolazzjoni Maltija li għandha ċ-ċans tkun sid ta’ darha.

YouTube video

Dr Michael Falzon ilu jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali sa mis-sena 2017. Hu ilu attiv mal-Partit Laburista għal numru ta’ snin u anke hawn kellu rwoli differenti fosthom deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit, segretarju internazzjonali u direttur tal-elezzjonijiet. Ilu membru fil-Parlament Malti sa mis-sena 2008 u minn dejjem adotta l-prinċipji Laburisti filwaqt li laħaq tliet mexxejja fosthom Alfred Sant bejn l-2003 u l-2008 u Joseph Muscat bejn l-2008 u l-2020. 

Għal dawn l-aħħar ħames snin, Michael Falzon dejjem ra li l-qasam soċjali f’pajjiżna jimxi dejjem aktar ‘il quddiem. Tul din il-leġislatura saret ħidma sfiqa sabiex dan il-qasam jingħata l-importanza li jixraqlu.

“Il-qasam soċjali hu r-raġuni għala l-Partit Laburista jeżisti. Dan il-partit dejjem kien hawn sabiex jara li ħadd ma jibqa’ lura. Rajna li ssir ġustizzja soċjali mingħajr ebda distinzjoni filwaqt li għamilna passi kbar ‘il quddiem f’dan il-qasam tant importanti.”

Dr Falzon qal li f’dawn l-aħħar disa’ snin kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista naqqas il-qgħad f’pajjiżna filwaqt li l-pensjonanti raw żieda fil-pensjoni tagħhom u ngħataw inċentivi kemm għal dawk li għamlu l-kontribuzzjoni tagħhom u anke min le. “Dan kollu mhux kumbinazzjoni għax dan il-gvern sa minn meta n-nies tawh il-fiduċja f’Marzu 2013, dejjem ra li jkollu kuxjenza soċjali.”

Tul din il-leġiżlatura Michael Falzon kien il-ministru responsabbli mill-qasam soċjali. Iżda x’ħidma saret biex fis-snin li għaddew dan il-qasam jingħata tassew l-importanza li jixraqlu?

Il-Ministru Falzon qalilna li l-budget għal dan il-ministeru kiber għal 33 fil-mija bil-gvern li investa terz minn dak li jonfoq fil-qasam soċjali. Ingħataw diversi inċentivi lill-anzjani li jirċievu l-pensjoni tagħhom, issaħħaħ iċ-children’s allowance u meta festa pubblika taħbat fi tmiem il-ġimgħa, din tittieħed xorta waħda fil-leave kuntrarju għal dak li għamel il-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk ċerti faxex tas-soċjetà llum igawdu minn diversi benefiċċji. Wieħed ma jistax jinsa’ l-wage supplement li ngħata lill-persuni kollha minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u dan sabiex ħadd ma jitlef ħobżu.

Dr Falzon jgħid li diversi ministri Ewropej li jaħdmu fil-qasam soċjali huma mistagħġba kif f’Malta għandna poplu pożittiv fejn filwaqt li żamm xogħlu tul iż-żmien diffiċli tal-pandemija, qed iħares b’mod pożittiv għall-futur.

Issemmew il-pensjonijiet. Michael Falzon ikkonferma li wara l-elezzjoni tas-sena 2017, bħala gvern kienu kommessi li jwettqu żieda sostanzjali bil-Partit Nazzjonalista fil-gvern li naqas milli għamel dan. Ingħata ukoll bonus li gawda minnu kulħadd filwaqt li kien hemm madwar 2000 persuna li ma kinux qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni. Skont Falzon, dan il-gvern ħaseb għal kulħadd u dawn l-affarijiet kollha juru l-pożittivita’ li jmexxi biha l-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-istess waqt, fil-Parlament għaddew ukoll bosta liġijiet f’dan il-qasam, inkluż dik dwar il-protezzjoni tat-tfal. X’jikkummenta Michael Falzon dwar dawn il-liġijiet?

“Bla dubju meta nsemmu l-qasam tal-protezzjoni tat-tfal, qed nidħlu f’tema sensittiva ħafna. Din il-liġi għaddiet mill-parlament wara diskussjoni li kellna. Għandi l-pjaċir ngħid li ż-żewġ naħat tal-kamra qablu unanimament ma’ din il-liġi. Kien hemm qbil totali għax wara kollox dan kollu hu fl-interess tal-istess tfal li huma wkoll irid ikollhom vuċi fis-soċjeta’. Issa li din il-liġi qiegħda fis-seħħ, se nibdew naraw il-frott tagħha bl-istess tfal li se jkunu protetti aktar.”

Fl-aħħar snin seħħew ammont ta’ adozzjonijiet ta’ tfal li ngħaqdu ma’ familji f’Malta, bil-maġġoranza tagħhom ikunu minn pajjiżi barranin. Iżda f’dawn l-aħħar sentejn dan il-proċess kif kien affettwat wara li faqqgħet il-pandemija u kemm saru adozzjonijiet wara l-pandemija?

Ritratt: Alan Saliba

Anke hawn Michael Falzon sostna li dan is-suġġett hu sensittiv ukoll. Hu kkonfermalna li f’dawn l-aħħar għaxar snin saru mat-23 adozzjoni fis-sena, l-aktar minn pajjiżi barranin. L-Indja jibqa’ l-iktar pajjiż minn fejn familji Maltin iddeċidew li jaddottaw għalkemm hu kkonfermalna l-pandemija tal-COVID-19 effettwat ħafna dan il-proċess. Fil-fatt sar iktar diffiċli sabiex tadotta minħabba iffirmar ta’ xi karta u anke l-ivjaġġar li sar iktar ristrett.

Falzon jixtieq li familji Maltin jaddottaw anke tfal minn pajjiżna. F’dan ir-rigward il-gvern qed jagħti ħafna inċentivi fejn fost l-oħrajn qed jagħti mal-€10,000 f’għajnuna.

Fl-aħħar nett, Dr Falzon hu wieħed mill-veterani Laburisti li għadu fix-xena politika. Iżda jekk iħares lura lejn il-karriera politika tiegħu tul dawn is-snin kollha, kif jiddeskrivi? U x’viżjoni għandu l-Partit Laburista għall-ġejjieni?

“Tassew nista’ nissejjaħ fost id-deputati veterani tal-Partit Laburista. Illum il-ġurnata għandi 60 sena u jekk kelli nħares lura għandi nostalġija kbira mhux biss tal-mumenti glorjużi li għexna bħala partit iżda wkoll tad-diversi rwoli li okkupajt fi ħdan dan il-moviment. Is-snin tista’ tgħid li gerrbu, jien ilħaqt tliet mexxejja Alfred Sant, Joseph Muscat u issa Robert Abela. Ili naħdem fl-istrutturi tal-partit sa mis-sena 1992 li jekk nagħmlu s-somom sewwa jiġu 30 sena ta’ servizz.”

“Jekk kellek issaqsini dwar il-viżjoni ta’ dan il-partit għas-snin li ġejjin, l-elementi jibqgħu dejjem l-istess. Nibqgħu nħaddnu l-istess valuri ta’ solidarjetà soċjali, ix-xogħol u l-ġid li jibqa’ jitqassam. Is-sistema jinbidlu iżda l-prinċipju jibqa’ l-istess. Nagħtu drittijiet lil kulħadd, naraw li ħadd ma jibqa’ lura, nirsistu għax-xogħol u nġibu aktar investiment lejn pajjiżna. Hekk biss il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jgawdi minn benefiċċji li fl-aħħar ifissru kwalita’ ta’ ħajja aħjar.”

Sport