Friday, November 15, 2024

SEHEM IN-NISA FIS-SOĊJETÀ

Cressida Galea
Cressida Galea
Ekonomista

Aqra wkoll

Sa mill-bidu nett tal-ħidma tal-Partit Laburista, minn dejjem kien il-leħen tal-mara sabiex tikseb pożizzjoni xierqa fis-soċjetà. Sar ħafna diġà, però għad fadal ħafna aktar xi jsir sabiex niżguraw li l-mara jkollha pożizzjoni xierqa fis-soċjetà, kemm fejn tidħol id-dinja tax-xogħol, u kif ukoll l-indipendenza tal-mara fis-soċjetà. 

Ir-realtà hija li għandna faxxa ta’ nisa li huma dipendenti fuq il-breadwinner tad-dar tagħhom, li normalment jkun ir-raġel. Dan mhux sforz l-għass iżda b’konsegwenza tal-mentalità ta’ żmienijiet passati li l-mara wara ż-żwieġ għandna tibqa’ d-dar trabbi t-tfal. B’konsegwenza ta’ din il-mentalità ħafna nisa la komplew bl-istudji tagħhom u wisq anqas daħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan irriżulta f’ħafna nisa ta’ età avvanzata li qegħdin f’sitwazzjoni li qatt ma ħadmu. Dan ipoġġi pressjoni u biża’ f’xi wħud minn dawn in-nisa fuq kif se jgħixu fil-każ li ż-żwieġ ifalli jew ir-raġel tagħhom jiġi nieqes. 

Il-Gvern jagħti l-Pensjoni tal-Età li tingħata bħala pensjoni mhux kontributorja jiġifieri pensjoni li hija bbażata fuq ir-residenza u hija ħlas ittestjat għall-mezzi għal persuni li jilħqu is-60 sena. Din it-tip ta’ pensjoni hija differenti minn dik kontributorja li hija bbażata fuq l-assigurazzjoni soċjali tal-persuni. 

Apparti minn hekk, il-Gvern għadu kif ħabbar il-miżura tal-aġġustament fil-pensjoni tar-romol. Din il-miżura indirettament qed tisalvagwardja lil din il-faxxa ta’ nisa fis-soċjetà, fil-każ li s-sitwazzjoni tkun li r-raġel jiġi nieqes. 

Madanakollu dan mhux biżżejjed u għalhekk il-Gvern għandu jkompli jaħdem sabiex issir ġustizzja soċjali għal din ir- realtà. 

Fejn tidħol id-dinja tax-xogħol, saru ħafna avvanzi sabiex inħeġġu aktar nisa joħorgu jaħdmu. Ftit tas-snin ilu, għal mara li toħrog taħdem kienet diffiċli, partikolarment minħabba l-fatt li kienet diffiċli biex tibbilanċja x-xogħol tad-dar, it-trobbija tat-tfal u x-xogħol professjonali tagħha. 

Kien Gvern Laburista li ma’ ż-żmien daħħal diversi miżuri sabiex iħeġġeġ aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol bħas-servizzi ta’ childcare b’xejn, transport b’xejn għall-istudenti fejn il-ġenituri jaħdmu, l-‘in-work’ benefit, fost oħrajn. 

Rajna wkoll il-Gvern iħabbar l-estensjoni tas-servizz ta’ childcare b’ xejn għall-ġenituri li jaħdmu bix-shifts, filgħaxijiet u fil-weekends. Din se tkompli tgħin lil ħafna nisa, anke dawn li huma single mothers, sabiex jibqgħu jaħdmu. 

Dawn il-miżuri wasslu biex in-nisa jkunu aktar indipendenti li dan allura wassal għal aktar koppji jew anke single mothers li setgħu jkomplu jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jikru jew anke saħansitra jixtru l-proprjetà tagħhom, jikkunsmaw oġġetti u servizzi fis-suq lokali li kollha, fl-aħħar mill-aħħar, iħallu impatt fl-attività ekonomika tal-pajjiż. 

Dawn il-miżuri wasslu wkoll sabiex ir-rata ta’ inattività tonqos, li hija l-proporzjon ta’ nies li mhumiex jaħdmu jew qed ifittxu impjieg, kif ukoll r-rata ta’ nies fl-impjieg attwali żdiedet li huma kollha figuri ekonomiċi li jwasslu għal tkabbir ekonomiku. 

Ekonomija

Sport