Saturday, May 4, 2024

3 irġiel akkużati bil-pussess ta’ 700 gramma eroina u pistola

Il-Pulizija arrestat tlett irġiel b’pusses ta’ diversi sustanzi lleċiti differenti u armi

Aqra wkoll

Pierre Cremona ta’ 50 sena, ibnu Owen Cremona ta’ 24 sena u Stefano Montebello ta’ 39 sena huma t-tlett persuni li nhar il-Ġimgħa ġew arrestati b’rabta ma’ sejba ta’ droga u pistola.

Huma tressqu l-Qorti l-Ħadd kmieni waranofsinhar fejn ġew akkużati li fis-26 ta’ April li għadda u fil-jiem ta’ qabel kellhom fil-pussess tagħhom id-droga eroina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom, li kellhom pistola tad-ditta Les Baer kif ukoll li saru reċidivi.

Pierre Cremona u Montebello ġew akkużati wkoll li kellhom fil-pussess tagħhom droga kakaina waqt li Pierre waħdu kien akkużat li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Id-difiża mexxija mill-avukati Franco Debono u Adriana Zammit oġġezzjonaw għall-arrest fejn qalu li dan sar bi ksur tal-liġi għax ma nqawlhomx id-drittijiet tagħhom. Iżda l-Prosekuzzjoni ċaħdet dan u qalet li kollox sar skont il-liġi.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat l-arrest ta’ Montebello bħala invalidu u għalhekk ħelsitu mill-arrest.

Iżda qalet li l-arrest tal-missier u iben kien wieħed validu. Hija wkoll laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-iben, iżda ċaħdet din tal-missier.

Aktar kmieni: Sejba konsiderevoli ta’ droga

Investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar ta’ droga wasslet għall-arrest ta’ tlett irġiel wara li fil-pussess tagħhom instabu sustanzi differenti ta’ droga.

Wara informazzjoni dwar l-allegati suspettati nhar il-Ġimgħa l-Pulizja waqqfet vettura f’Buġibba li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 50 sena. Fi-vettura miegħu kien hemm raġel ieħor ta’ 39 sena. Fi tfittxija li saret fil-vettura nstabu numru ta’ qratas bid-droga suspettata kokaina u eroina, lesti biex jiġu ttraffikati.

It-tfittxijiet komplew fil-Mosta, fir-residenza tar-raġel ta’ 50 sena fejn hemmhekk kien hemm ukoll ġuvni ta’ 24 sena. Hawnhekk il-Pulizija sabet blokka droga suspettata eroina pura ta’ madwar 700 gramma, arma tan-nar flimkien ma’ ammont ta’ balal, fost oġġetti oħra li jintużaw fit-traffikar ta’ droga.

It-tlett irġiel se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti għall-ħabta tan-nofsiegħa (1230hrs) quddiem il-Maġistrat Dr Rachel Montebello LL.D.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport