Wednesday, April 24, 2024

Sejħa għall-għoti tad-demm f’Jum l-Omm għall-ommijiet li jinsabu l-isptar

Aqra wkoll

“Għotja demm … wirja ta’ mħabba altruwista għal Jum l-Omm” hi l-għajta li biha s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed iwassal il-messaġġ tal-bżonn kontinwu għad-donazzjonijiet tad-demm li din il-ġimgħa qed jiġi marbut ma’ Jum l-Omm. 

Filwaqt li s-Servizz jirrikonoxxi l-għajnuna kbira li jagħtu d-donaturi tad-demm, partikolarment l-ommijiet, fl-istess waqt tajjeb li f’Jum l-Omm wieħed ukoll ifakkar fil-bżonn tad-demm għal dawk l-ommijiet li bħalissa qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex. B’rabta ma’ dan, jixraq ukoll li wieħed jifraħ lil dawk in-nisa li qed jistennew tarbija, u jfakkar fil-possibbiltà ta’ bżonn immedjat ta’ trasfużjonijiet tad-demm, għal dawk li jkollhom emoraġija mhux mistennija waqt jew wara ħlas.

Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm iħeġġeġ lill-poplu sabiex jagħmel ġest mill-isbaħ u jmur jagħti d-demm f’wieħed minn dawn il-postijiet:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (sebat ijiem fil-ġimgħa, inkluż il-Ħdud u l-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm. 
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju ser ikun fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa, disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:30am sas-1:00pm.
  • Fil-Berġa tax-Xewkija li nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju ser tkun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li:

  • Dawk li ser jersqu biex jagħtu d-demm iridu jippreżentaw il-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan, inkella passaport Malti.
  • Dawk li għamlu s-swab test, sew jekk ta’ rutina jew għal ħtiġijiet oħra, huma mitluba biex jistennew sal-waqt li joħroġ riżultat ‘COVID negative’.
  • Dawk li ġew ittestjati pożittivi għall-COVID ikunu jistgħu jagħtu d-demm ġimagħtejn minn wara l-aħħar test ‘COVID negative’.

Sport