Saturday, December 21, 2024

Seminar tal-Youth FA jiddiskuti l-volontarjat fl-isport

Aqra wkoll

Il-volontarjat fl-isport kien is-suġġett ta’ seminar ta’ nofs ta’ nhar organizzat mill-Youth Football Association, fiċ-Ċentru Komunitarju tal-Caritas fil-Ħamrun, biex jitfakkar 40 sena ta’ volontarjat fis-settur tal-futbol taż-żgħażagħ.

Sa mill-bidu tagħha lura fl-1982, il-Youth FA dejjem għarfet u vvalutat il-kontribut importanti tal-voluntiera, speċjalment fin-nurseries tal-futbol taż-żgħażagħ. Il-maġġoranza l-kbira tal-uffiċjali u l-amministraturi fil-futbol taż-żgħażagħ jaħdmu fuq bażi volontarja u huwa proprju għal din ir-raġuni li l-Assoċjazzjoni ddeċidiet li tfakkar l-40 anniversarju tagħha billi tospita seminar li kien jinkludi wkoll workshops li taw għarfien interessanti dwar is-sitwazzjoni attwali wkoll bħall-isfidi fis-settur tal-volontarjat.

Il-President tal-Youth FA, Norman Darmanin Demajo, ġabar fil-qosor l-għanijiet tas-seminar li għalih attendew bosta persuni minn diversi sferi tas-soċjetá.

“Qed niċċelebraw tragward important – 40 sena ta’ futbol taż-żgħażagħ f’Malta,” qal is-Sur Darmanin Demajo. “L-iskop tas-seminar huwa li jħares lejn is-sinsla ta’ din il-kisba … il-voluntiera. Personalment nemmen li l-volontarjat għadu ħaj ħafna iżda jidher ċar li ż-żminijiet inbidlu u l-isfidi huma akbar.”

Il-president tal-Youth FA spjega li l-idea li jiġi diskuss il-passat, il-preżent u l-futur tal-volontarjat fil-futbol taż-żgħażagħ, ħarġet minn tweġibiet għal kwestjonarju b’95% tal-Youth Nurseries jidentifikaw in-nuqqas ta’ amministraturi bħala waħda mid-diffikultajiet ewlenin.

WORKSHOPS

Il-workshops qanqlu diskussjonijiet interessanti ħafna dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw in-nurseries biex jirreklutaw u jżommu voluntiera, u kwistjonijiet prevalenti oħra. Inċentivi tal-Gvern biex jattiraw aktar voluntiera fl-isport, perċezzjonijiet dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabbs, edukazzjoni tal-ġenituri, due diligence, u l-ħtieġa li jiżdied in-numru ta’ edukaturi kwalifikati, kienu wħud mill-punti ewlenin irrappurtati mill-workshops.

Is-seminar kien appoġġjat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u l-Ministeru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur permezz tal-Iskema tal-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji.

VOLONTARJAT U VALURI

L-Onorevoli Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur, qalet: “Din hija l-missjoni sabiħa tal-voluntiera. Nistgħu nimmaġinaw l-irħula tagħna mingħajr l-input fundamentali tan-nurseries tal-futbol taż-żgħażagħ tagħna? Nazzjon mingħajr voluntiera huwa nazzjon nieqes mill-valuri.”

Is-seminar kien indirizzat ukoll mill-President tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, li nnota li r-rispons mill-workshops huwa rilevanti ħafna fil-kuntest amministrattiv attwali fil-futbol taż-żgħażagħ kif ukoll fil-livell tal-kbar, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.

Ekonomija

Sport