Fil-Parlament illum beda jiġi diskuss ir-Rapport Annwali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għas-sena 2024, bit-tema “Kull Ħaddiem Jgħodd”.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard beda biex innota kif l-2024 kienet sena trasformattiva f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol f’pajjiżna.
Huwa spjega li s-sena li għaddiet, l-OHSA bdiet programm ambizzjuż ta’ mmodernizzar u ristrutturar. “Din ma kinitx biss sena ta’ bidla, imma kienet sena ta’ tranżizzjoni lejn awtorità aktar proattiva, aktar reżiljenti u reattiva,” qal il-Ministru Attard.
Irrefera fost l-oħrajn għal-liġi l-ġdida tal-OHSA li daħlet fis-seħħ aktar tard is-sena li għaddiet, li tipprovdi qafas ħolistiku, b’approċċ li jħares mhux biss lejn is-sigurtà fiżika iżda wkoll lejn il-benesseri mentali u psikosoċjali tal-ħaddiema kollha f’pajjiżna.
Il-Ministru Attard qal li r-riżultati jitkellmu waħedhom. Fil-fatt, l-Awtorità żiedet ir-riżorsi umani fi ħdanha bi 48%, wettqet aktar minn 9,381 spezzjoni fuq il-post tax-xogħol – aktar mid-doppju tal-medja preċedenti – u ħarġet 980 avviż ta’ titjib, 543 multa amministrattiva u 331 ordni ta’ waqfien.
Il-Ministru Attard tenna jgħid li r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia, ippubblikat f’Marzu tas-sena l-oħra, kien mument kruċjali ieħor għall-Awtorità. Spjega li kien ġie stabbilt grupp ta’ fokus intern fi ħdan l-OHSA, li jinvolvi lis-CEO u lill-maniġment superjuri biex jissorvelja l-implimentazzjoni tad-diversi miżuri li jaqgħu taħt il-mandat tiegħu.
Saru laqgħat regolari, kemm internament kif ukoll fil-livell Ministerjali, biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni b’suċċess ta’ dawn ir-riformi. Pass importanti ieħor kien l-introduzzjoni tal-Helpline 138, li mit-twaqqif tiegħu f’Awwissu li għadda sal-aħħar tal-2024, fuq medda ta’ erba’ xhur, dan is-servizz irreġistra aktar minn 3,000 telefonata, li 1,000 minnhom kienu jirrigwardaw l-OHSA.
“Dan huwa aktar mit-tripplu tal-għadd medju ta’ lmenti annwali fis-snin preċedenti. Dan għalhekk ressaq lill-Awtorità eqreb lejn il-pubbliku, u fuq kollox ressaq it-tħassib tan-nies hemm barra eqreb lejn l-azzjoni,” qal il-Ministru Attard.
Ir-rapport tal-2024 juri sena ta’ progress bla preċedent
Huwa tenna li l-kisbiet trasformattivi dettaljati f’dan ir-rapport – mill-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (Kap. 646) għal rata l-aktar baxxa ta’ fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol ta’ 1.22 għal kull 100,000 ħaddiem, – kollha juru r-rieda tagħna li noħolqu postijiet tax-xogħol aktar sikuri u li jħarsu s-saħħa madwar Malta u Għawdex.
“Ir-rapport tal-2024 juri sena ta’ progress bla preċedent. L-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, approvat unanimament minn din il-Kamra, immodernizza l-governanza tal-OHSA, daħħal pieni aktar ħorox, u ta’ għodda amministrattivi ġodda li permezz tagħhom l-OHSA llum għandha s-setgħa li tieħu azzjoni biex tassigura s-sorveljanza.”
Il-Ministru Attard kompla jgħid li fl-ewwel ftit xhur tal-2025, diġà bdew jibnu fuq il-bażi soda pprovduta mill-qafas legali progressiv tal-liġi l-ġdida. Ir-Reġistru tal-Persuni Kompetenti tnieda aktar kmieni din is-sena wara konsultazzjoni wiesgħa permezz tal-poteri legali li ngħatat l-Awtorità biex tħaddem il-mekkanizmu legali tal-Instrument Amministrattiv.
Dan ir-reġistru stabbilixxa livell għoli ta’ standards akkademiċi u esperjenza fir-rekwiziti ta’ dawn l-esperti ta’ Saħħa u Sigurtà.
Barra minn hekk, ħarġu wkoll sett ta’ regolamenti emendati fil-liġi sussidjarja sabiex jissaħħaħ il-livell ta’ saħħa u sigurtà fuq proġetti ta’ kostruzzjoni.
Il-proċess fir-reklutaġġ għaddej ukoll b’mod b’saħħtu. “L-għan hu li nilħqu 80 ħaddiem fl-Awtorità sal-aħħar tas-sena u llum diġà hemm 65 ħaddiem,” qal il-Ministru Attard filwaqt li tkellem dwar l-investiment li qed isir fit-taħriġ tal-ħaddiema.
L-OHSA wettqet 4,925 spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol fl-ewwel erba’ xhur tal-2025
Semma wkoll li bejn Jannar u April tal-2025, l-OHSA wettqet 4,925 spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol f’Malta, b’żieda sinifikanti f’April li laħqet 1,511 spezzjoni f’xahar wieħed biss, l-ogħla ċifri f’dawn l-aħħar snin. Dan ifisser li matul dawn l-aħħar erba’ xhur, saru aktar minn nofs in-numru ta’ spezzjonijiet li saru matul l-2024 kollu.
L-OHSa wettqet ukoll 499 spezzjoni konġunta ma’ entitajiet oħra bħall-Pulizija, Jobsplus u d-DIER, spezzjonijiet magħmula b’mod kordinat fuq każijiet aktar kumplessi u b’riskju għoli.
Finalment, il-Ministru Attard qal li: “l-għan tagħna jibqa’ wieħed. Ebda ħaddiem m’għandu jitlef ħajtu fuq ix-xogħol. Ebda familja m’għandha titlef lil xi ħadd minħabba nuqqas ta’ sigurtà. Dan huwa d-dmir tagħna bħala Gvern, bħala komunità u bħala pajjiż.”