Sunday, November 24, 2024

Sentejn ħabs sospiżi wara li laqa’ għandu oġġetti misruqin mill-Palazz tal-President

Aqra wkoll

Anthony Stivala ta’ 67 sena, residenti l-Iklin ammetta li laqa’ għandu u li kellu fil-pussess tiegħu oġġetti li kienu misruqin mill-Palazz tal-President il-Belt.

L-Ispettur Kristina Delia qalet fil-Qorti li fil-5 ta’ April li għadda l-Pulizija ġew informati bis-serqa mill-Palazz. Qalet li minn filmati tas-CCTV ġiet identifikata s-Serba li kienet tressqet il-Qorti aktar qabel. L-Ispettur qalet li l-pulizija komplew jinvestigaw u sabu li s-Serba kellha kuntatt mal-akkużat u dakinhar tas-serqa baqgħet sejrin f’ħanut tal-antikitajiet.

Fil-Qorti ntqal li dawn l-oġġetti nstabu fil-ħanut ta’ Anthony Stivala. L-Ispettur kompliet tgħid li permezz ta’ mandat saret tfittxija fir-residenza tiegħu u lbieraħ ġie interrogat. Kien l-akkużat stess li kkonferma lill-persuna li għaddietlu l-oġġetti misruqin u li hu sar jaf mill-aħbarijiet dwar in-natura ta’ dawn l-oġġetti. Qal li beża’ jinforma lill-pulizija għax ma riedx li l-istorja tkompli tikber. L-ispettur qalet li kien hu stess li ħadhom fil-proprjetà tiegħu u għaddhielhom l-affarijiet misruqa.

FIl-Qorti ntqal li baqa’ vażun wieħed nieqes u li skont Heritage Malta huwa replika mhux oriġinali b’valur ta’ €300. L-oġġetti oriġinali ġew irritornati fi stat tajjeb. Huwa stmat li dawn għandhom valur ta’ €12,650.

L-Avukati Roberto Spiteri u Joanne Scerri li qed jiddefendu lill-akkużat qalu li hu kkopera bis-sħiħ mal-pulizija u anke rritorna kull oġġett li kellu f’kundizzjoni perfetta.

Il-prosekuzzjoni qalet li s-sentenza għandha tkun ta’ waħda sospiża, iżda bil-kundizzjoni li jixhed kontra s-Serba.

L-Imħallef Leonard Caruana filwaqt li sab lil Stivala ħati fuq ammissjoni tiegħu stess ikkundannah sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Sport