Sunday, December 29, 2024

Sentenza sospiża għal raġel li aggredixxa ieħor qrib kjosk

Aqra wkoll

Raġel mir-Rumanija u li m’għandux indirizz fiss, ammetta li fl-14 ta’ Lulju li għadda, ikkawża ġrieħi serji fuq persuna oħra, li kiser il-paċi pubblika, u li insulta lill-vittma.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7:00 p.m. qrib kjosk f’Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar.

Fil-Qorti ħareġ li kienet seħħet ġlieda bejn żewġ persuni waqt li kienu qed jistennew fil-kju biex jixtru minn kjosk. Jidher li l-imputat ta daqqa ta’ ponn lil raġel ieħor f’wiċċu u l-vittma ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi.

L-uffiċjal prosekutur spjega li għalkemm il-ġlieda ma kinitx waħda kbira, il-ġrieħi li sofra l-vittma kienu pjuttost ta’ natura sinjifikanti u li kien iżid mal-gravità tal-akkużi.

Ferenc-Attila Csepin-Darjan, Rumen ta’ 42 sena, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih fl-ewwel opprtunità. Il-Qorti kkunsidrat iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-fatt li l-imputat qal li kien għajjien u rritat, u li ddispjaċieh għall-azzjonijiet tiegħu.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, sabitu ħati tal-akkużi u kkundannatu piena ta’ sena priġunerija sospiża għal sentejn. Il-Qorti wissietu bil-konsegwenzi jekk iwettaq reat ieħor f’dan il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.

Ekonomija

Sport