Monday, September 30, 2024

Sentenza sospiża għal tnejn u ieħor jinżamm arrestat fuq attentat ta’ serq tal-cables

Aqra wkoll

Dominic Oziegbe, Niġerjan ta’ 39 sena u David Scicluna ta’ 39 sena, residenti f’Marsaskala, u Shardian Camilleri, ta’ 30 sena, residenti f’Ħaż-Żabbar, tressqu l-Qorti fejn kienu akkużati li s-Sibt filgħodu ppruvaw jisirqu u jagħmlu ħsara fuq cables fil-Furjana.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kumpanija tat-telekomunikazzjoni għamlet rapport lil Pulizija minħabba l-fatt li l-klijenti li joqgħodu fil-Furjana spiċċaw mingħajr ebda servizz tal-internet.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija marru fuq il-post sabiex jassistu f’mina taħt l-art, qrib il-Ġonna tal-Argotti fil-Furjana. Hemmhekk, huma sabu xi persuni lebsin ilbies protettiv, mgħammra bl-għodda u b’diversi cables imremblin, li ħejjew sabiex iġorruhom magħhom.

Intqal li Scicluna, kien deher iġorr xi cables, u malli nduna bil-preżenza tal-Pulizija ipprova jaħrab, filwaqt li avża liż-żewġ imputati l-oħrajn bil-preżenza tal-Pulizija. Malli l-Pulizija ordnatlu joħroġ minn fejn kien qed jistaħba, huwa ħareġ u ġie arrestat.

Fil-Qorti, in-Niġerjan ta’ 39 sena u l-Malti ta’ 30 sena wieġbu li huma ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontrihom, filwaqt li l-Malti l-ieħor ta’ 39 sena wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti ma saret ebda kontestazzjoni għall-validità mill-arrest, filwaqt li ntqal li ma rreżistewx l-arrest. Saret ukoll talba għal rikors, għall-ispejjeż li sofriet il-kumpanija, responsabbli għal dawn il-cables, li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor, 4,500 ewro.

Il-Qorti tat is-sentenza ta’ sentejn priġunerija, sospiżi għal erba’ snin lil Camilleri u lil Ogiezbe, filwaqt li ordnat sabiex it-tnejn li huma, iħallsu l-ispejjeż, permezz ta’ ħlasijiet ta’ mitt ewro fix-xahar.

Dan filwaqt li l-proċeduri kontra David Scicluna, huma mistennija li jkomplu, hekk kif huwa m’ammettiex u nżamm arrestat.

Għal David Scicluna, dehret l-Avukat Roberta Bonello Felice, filwaqt li l-Avukat tal-għajnuna legali, Luke Valletta, rrappreżenta liż-żewġ imputati l-oħrajn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Rizzo, Darryl Borg u l-Avukat Brandon Bonnici f’isem l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

Sport