Monday, November 4, 2024

Sentenza sospiża u multa ta’ €2,000 wara li ammetta li ffastidja żewġ Pulizija

Aqra wkoll

Charles Paul Mifsud ta’ 49 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta għal akkużi ta’ ksur ta’ paċi pubblika u li ta’ fastidju lil żewġ uffiċċjali tal-Pulizija fost l-oħrajn.

Kien fit-13 ta’ Diċembru, 2022 meta Mifsud allegatament waqqaf żewġ uffiċċjali tal-pulizija fi Triq Testaferrata f’Tas-Sliema li dak il-ħin kienu qegħdin jagħmlu ronda u qallhom li kien għadu kif tah fastidju xi ħadd.

Il-pulizija ndunaw li kien fis-sakra minħabba li kellu riħa qawwija ta’ xorb u skont dak li ntqal fil-Qorti beda jkun aggressiv magħhom filwaqt li ma obdiex l-ordnijiet tagħhom u rreżista l-arrest tant li kellu jiġi sedat. Mifsud ammetta wkoll li dakinhar għamel ħsara fuq il-bumper ta’ wara tal-karozza distrettwali ta’ Tas-Sliema

Minħabba li għandu l-vizzju tal-alkoħol, Mifsud wara li ġie arrestat ittieħed lejn Monte Karmeli fejn għamlu numru ta’ ġranet rikoverat hemm. Hekk kif ġie rilaxxat mit-tobba, hu reġa’ ġie arrestat biex jitressaq il-Qorti.
L-akkużat skuza ruħu għall-imġieba tiegħu filwaqt li stqarr li għandu rispett għall-Korp tal-Pulizija.

Hu ngħata sentenza ta’ sena priġunerija sospiża għal sentejn, flimkien ma’ multa ta’ €2,000. Il-Qorti ordnat ukoll li huwa jfittex l-għajnuna b’rabta mal-problema tax-xorb.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shamus Woods filwaqt li l-Qorti kienet preseduta mill-Leonard Caruana.

Sport