Saturday, December 21, 2024

Sentenza sospiża u multa wara li mbotta u fixkel uffiċjal tal-komunità biswit skola

Aqra wkoll

Massimo Borg ta’ 28 sena kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena wara li nstab ħati li ħebb għal uffiċjal tal-komunità waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Il-każ seħħ nhar is-6 ta’ Novembru 2023, għall-ħabta tat-8.15 a.m. fi Triq Brared, Birkirkara.

L-uffiċjal tal-komunità kien xehed fil-Qorti kif waqt li kien għassa mal-iskola minħabba t-tfal, wasal l-imputat f’Toyota li kienet “imregħda” u nnota li kellu l-mirja tal-ġenb neqsin.

Hu ġibidlu l-attenzjoni fuq il-mirja għax il-vettura kienet perikoluża li tinstaq mingħajr mirja. L-imputat tefa’ l-karozza fin-nofs fejn jgħaddu l-coaches u l-mini buses u l-uffiċjal qallu biex ma jdumx fil-post.

L-imputat wieġbu li kien kellmu biss fuq il-mirja u qal lill-parte civile li kien “dardira” u min-naħa tiegħu, il-parte civile qallu li kien għadu ma ħarrkux imma kien biss wissieh. Kien hawn fejn allegatament l-imputat beda jitkellem b’mod oxxen u l-uffiċjal tal-komunità pprova jsikktub, kif bdew jagħmlu wkoll xi ġenituri oħra u staff tal-iskola.

Ix-xhud qallu li kien se jċempel lill-pulizija u l-imputat wieġbu li seta’ jċempel kemm irid għax kien ikun magħhom jittowjaw u “ma kienx jibża’ mill-pulizija jew mill-Qorti”.

Ix-xhud kompla jgħid li l-imputat tajjarlu l-mobile minn idejh hekk kif beda jċempel 112 u kissirulu. Huwa qal ukoll li kien mar jagħmel rapport l-Għassa. Fil-kontro eżami x-xhud ikkonferma li l-mirja ma kinux hemm u li kien hemm ħafna nies ħdejn l-iskola.

Il-Qorti, wara li semgħet ix-xhieda tal-uffiċjal tal-komunità, qalet li jirriżulta ppruvat li l-imputat kien imbotta u fixkel lill-uffiċjal tal-komunità waqt il-qadi ta’ dmirijietu u qal kliem oxxen kif ukoll kiser il-paċi pubblika.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Maġistrat Astrid May Grima sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannatu sentenza sospiża flimkien ma’ multa ta’ €4,000.

Il-Qorti rabtet lill-imputat b’garanzija personali ta’ €2,000 għal żmien sena u dan billi ma jimmolestax, ma jdejjaqx u ma jinġurjax lill-parte civile.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius Bonello. Għall-uffiċjal tal-komunità deher l-Avukat Herman Mula.

Ekonomija

Sport