Giuseppe Gatt ta’ 49 sena nstab ħati li qabad jagħti daqqiet lil raġel ieħor b’injama fejn il-vittma sofra ġrieħi ta’ natura gravi f’idejh u f’għajnejh.
Meta Gatt ġie mitkellem mill-Pulizija qalilhom li kien il-vittma li bdew l-argument. Hu stqarr li waqt li kien għaddej minn quddiem il-każin tal-banda tal-Mosta, il-vittma beżaqlu u kien hawn li beda l-argument.
Gatt qal ukoll lill-pulizija li l-vittma kien daħal fil-każin fejn ġab tazza bil-birra, kissirha mal-poġġaman u ħebb għalih biha. Allega wkoll li l-vittma tefgħalu t-tazza u laqtu f’wiċċu fejn imbgħad it-tnejn li huma tqabbdu f’xulxin u waqgħu mal-art bejn il-karozzi.
Min-naħa tiegħu l-vittma allega li kien Gatt li beda l-argument hekk kif bdew jgħajru “ġurdien” u wara li wieġbu lura spiċċaw fl-idejn. Il-vittma qal lill-pulizija li Gatt qabad injama u beda jagħtih biha fejn konsegwenza ta’ dan sofra ġrieħi f’idejh u f’għajnejh.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni qalet li kien il-vittma li mar jagħmel rapport l-għassa bid-demm ma’ wiċċu.
It-tabiba li eżaminat lill-vittma ċċertifikat il-ġrieħi bħala gravi minħabba li kien qiegħed isofri minn ksur f’bosta swaba’, kif ukoll kellu idu xellugija maqlugħa. Hu kellu diversi tbenġil u daqqiet fuq wiċċu.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li semgħet iż-żewġ naħat qalet li kienet qiegħda tqis in-natura tar-reat kif ukoll l-fedina penali tal-imputat li ma kienet qed toħloq ebda tħassib.
Kien għalhekk li l-Qorti sabet lil Gatt ħati tal-akkużi u kkundannatu sena priġunerija sospiża għal sena. Filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma u l-familjari għal tliet snin mis-sentenza, ordnat lil Gatt biex jikkumpenza lill-vittma €600.