Thursday, December 26, 2024

Sentiment pożittiv fost in-negozji għall-Black Friday

Aqra wkoll

Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, tgħid li minkejja l-Covid-19 din il-ġimgħa hemm żieda fil-bejgħ

Minn Carmen Cachia 

Minn mindu bdiet il-pandemija tal-Covid-19 ħafna negozji kellhom jiffaċċjaw sfidi kbar. Inewsmalta tkellem ma’ Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, dwar kif inhu sejjer in-negozju bħalissa issa li wasalna għall-Black Friday. Dan huwa l-jum tant mistenni li fih ħafna nies imorru fil-kju biex jixtru dak li jkollhom bżonn bi prezzijiet imnaqqsa sew. Mamo qalet li għall-Black Friday hemm sentiment pożittiv minħabba li, meta b’mod ġenerali n-negozji kienu kwieti minħabba l-pandemija, din il-ġimgħa qegħdin jaraw daqsxejn ta’ ċaqlieqa. 

“Ovvjament il-bejgħ fil-Black Friday 2020, mhux se jkun jikkumpara ma’ tas-sena l-oħra jew inkella ma’ ta’ qabel. Però, imqabbel mal-bqija ta-sena, naħseb li se tkun ġimgħa tajba,” sostniet il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs. 

Mamo qalet li b’mod ġenerali, il-Covid-19 laqgħat lin-negozji kollha f’Malta, min b’mod dirett u min b’mod indirett. Spjegat li l-aktar setturi milquta, tant li, “kien hemm minnhom li raw in-negozju tagħhom imur il-baħar”, huma s-setturi relatati mat-turiżmu, tar-retail, is-setturi tal-avvenimenti u dawk tat-tiġijiet.

Abigail Mamo qalet li min-naħa l-oħra, fil-perjodu festiv, meta suppost in-negozji jagħmlu tajjeb għal żminijiet li kienu diffiċli, hemm daqsxejn ta’ niżla. Dan in-nuqqas fil-bejgħ jista’ jwassal biex xi negozjanti jieħdu ċerti deċiżjonjiet. Dawk li ntlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija tal-Covid-19, Mamo qalet, żgur tilfu 50% tan-negozju tagħhom. Barra minnhekk, kien hemm minnhom li kellhom inaqqsu l-ħaddiema. 

“Il-Covid-19 naqqas bin-nofs in-negozju tas-setturi l-aktar milquta”- Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs 

Minn stħarriġ li l-Kamra tal-SMEs għamlet f’Novembru li għadda, irriżulta li kemm fil-kategoriji tan-negozji li bbenefikaw mill-Wage Supplement, kif ukoll dawk li le, it-tnejn kellhom inaqqsu l-ħaddiema. Il-Kap Eżekuttiv qaltilna li, “kien hemm negozji li naqqsu l-ħaddiema bi ftit għax kellhom is-sostenn mill-Gvern. Minħabba li kien hemm min ra li n-negozju mhuwiex se jirritorna għan-normal u li x-xogħol mhux se jiżdied, waqqaf lill-ħaddiema biex isibu xogħol alternattiv fejn forsi jkollhom aktar spazju fejn jikbru”. 

Kien hemm il-kategorija ta’ negozji li ma bbenefikawx mill-Wage Supplement li wkoll kellhom inaqqsu l-ħaddiema. Mamo qalet li dan seħħ minħabba li l-impatt tal-Covid-19 inħass kullimkien. “Dawk in-negozjanti li ħadu din id-deċiżjoni, għamlu hekk biex isalvaw in-negozju tagħhom billi ppruvaw inaqqsu kemm jista’ jkun mill-inqas impjegati, imma xorta setgħu jkomplu għaddejjin bix-xogħol f’dan iż-żmien diffiċli. Dan ħalli mbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jimpjegaw u mhux ifallu,” spjegat Mamo.

Ħwienet li għalqu minħabba l-kera…

Fil-fatt f’dan il-perjodu diffiċli tal-pandemija, hija qalet li kien hemm negozji li kellhom jagħlqu kompletament u biex inkunu nafu kemm minnhom intlaqtu b’dan il-mod drastiku, irid ikun hemm studju fuq livell nazzjonali u mbagħad tinħareġ l-istatistika uffiċjali tal-bidu u t-tmiem tan-negozji. “Ovvjament kull sena jitwieldu u jmutu negozji. Għalhekk irridu naraw id-differenza li se jkun hemm minħabba l-Covid-19. Għalissa m’għandniex in-numru eżatt imma meta tmur f’postijiet fejn ikun hemm ammont ta’ ħwienet, tara li hemm minnhom magħluqa,” tennet il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs.

“Wieħed ikun jixtieq jagħmel ħafna imma r-restrizzjonjiet qegħdin hemm, huma bżonnjużi u huma realtà” 

Rigward dan hija qalet li wieħed mill-fatturi ewlenin li qiegħed iwassal biex in-negozji jagħlqu huwa dak tal-kera u dan, “għax ma setgħux isostnu f’dan iż-żmien. Dawk li ma waslux f’arranġament ma’ sid il-kera, kellhom jiddeċiedu li jitilqu ċerti postijiet u jagħlqu.”

Bħala Kamra tal-SMEs, qegħdin ikunu f’komunikat man-negozji u jaraw kif jistgħu jagħtuhom is-sostenn meħtieġ. “Dan is-sostenn ivarja minn informazzjoni ta’ għajnuniet, inċentivi u skemi biex inqajmu l-ekonomija fuq saqajha. Dan huwa r-rwol tagħna,” sostniet Mamo. Barra minnhekk, il-Kamra tal-SMEs qiegħda tgħinhom ukoll jaħsbu f’negozji alternattivi biex ikunu aktar innovattivi.

Meta wieħed jikkonsidra li anke n-negozji barra minn pajjiżna ffaċċjaw l-isfidi tagħhom, Mamo tħoss li d-deċiżjonijiet li qegħdin nieħdu bħala pajjiż huma deċiżjonijiet bilanċjati. “Kultant ċerti deċiżjonjiet huma sikkina taqta’ miż-żewġ naħat u għalhekk mhumiex faċli għax xi ftit se jweġġgħu u l-bilanċ mhuwiex faċli biex issibu. Però, meta nqabbel lil Malta ma’ pajjiżi oħra, b’lockdowns ferm aktar stretti u b’numru ta’ mwiet b’saħħitu ħafna aktar, naħseb li Malta sa ċertu punt irnexxielna nikkontrollaw il-Covid-19 b’suċċess,” sostniet Mamo.

Hija qalet li jista’ jkun li wieħed jgħid però li ta’ kuljum qegħdin ikollna numri li jilagħbu mal-mitt każ però, “fil-verità, dawn huma stabbli u mhux tilgħin ‘il fuq. Ma ninsewx li l-Covid-19 huwa marda li timmultiplika u allura ladarba n-numri għal ġimgħat sħaħ baqgħu fl-istess ilma u ma mmultiplikawx, dan juri s-suċċess tal-affarijiet li qegħdin nagħmlu u dan anke fil-każ tan-negozji. Ninsabu fi żmien diffiċli ħafna u wieħed ikun jixtieq jagħmel ħafna imma r-restrizzjonjiet qegħdin hemm, huma bżonnjużi u huma realtà”. 

Abigail Mamo temmet tgħid li mingħajr saħħa m’hemmx ekonomija u mingħajr ekonomija m’hemmx saħħa. Dan ifisser li rridu ngħinu lil xulxin ħalli ngħaddu mill-aħjar li nistgħu dan iż-żmien partikolari u delikat ħafna. Sadanittant, hija tispera li s-sena d-dieħla jkollna daqsxejn ta’ ċaqlieqa tajba.

Ekonomija

Sport