Saturday, May 4, 2024

Sergio Perez jirbaħ il-GP ta’ Monaco 

Aqra wkoll

Il-sewwieq Messikan Sergio Perez rebaħ il-Grand Prix ta’ Monaco sabiex kiseb it-tielet suċċess fil-karriera tiegħu. Ma kinitx tellieqa faċli għas-sewwieq ta’ 32 sena fuq Red Bull Racing minħabba li kellu taqtiegħa kbira mas-sewwieq Spanjol fuq Ferrari Carlos Sainz. Kienet ukoll tiġrija li ma riedet tispiċċa qatt u li kellha diversi inċident partikolari.

Kienet tellieqa li ġiet effettwata wkoll mix-xita li niżlet u li ġiegħlet lill-organizzaturi sabiex jittardjaw b’siegħa. Barra minn hekk kien hemm inċident xejn sabiħ ta’ Mick Schumacher li kellu inċident bil-karozza tiegħu Haas li saħansitra nqasmet fi tnejn. L-istess sewwieq ta’ 23 sena kellu jabbanduna l-karozza tiegħu wara li ħabat mal-barriers

Din kienet it-68 edizzjoni tat-tellieqa f’Monaco u li bla dubju iġġenerat emozzjonijiet kbar speċjalment bit-taqtiegħa bejn Perez u Sainz bl-ispettaturi li kienu ferm numerużi minkejja t-temp xejn ideali. 

Fit-tielet post spiċċa Max Verstappen fuq Red Bull b’Charles Leclerc fuq Ferrari li kellu jikkuntenta bir-raba’ post. Dan tal-aħħar kien ferm nervuż u rrabbjat wara inċident li kellu fil-pitstop fl-ewwel parti tat-tellieqa. Mill-banda l-oħra, George Russell fuq Mercedes temm fil-ħames pożizzjoni.

Rigward klassifika tas-sewwieqa, Max Verstappen zamm xorta wahda l-ewwel post (125 punt), Charles Leclerc fuq Ferrari jinsab fit-tieni post (116-il punt), Sergio Perez fuq Red Bull fit-tielet post (110 punti), George Russell fuq Mercedes fir-raba’ post (84 punt) u Carlos Sainz fuq Ferrari (83 punt).

Sport