Il-ġurnali Spanjoli faħħru l-wirjiet tad-difensur veteran Spanjol Sergio Ramos li qed ikun dejjem aktar protagonista anke mal-club tiegħu Paris St Germain. Wara sena ferm ikkumplikata anke minħabba l-injury li żammitu barra minn ħafna logħbiet, il-plejer Spanjol qed jadatta sew għall-metodu tattiku tal-kowċ Christophe Galtier u qed ikun tajjeb fid-difiża.
Sadanittant hekk kif Aymeric Laporte jinsab imweġġa’, il-coach tat-team nazzjonali Luis Enrique lest li jsejjaħ lil Ramos għaż-żewġ partiti li għandu kontra l-Iżvizzera u l-Portugall mill-UEFA Nations League kif ukoll qed iħalli tieqa miftuħa sabiex jgħajjatlu wkoll għat-Tazza tad-Dinja li se ssir f’Novembru fil-Qatar.