Sunday, December 22, 2024

Serħan il-moħħ għall-operaturi ta’ postijiet kumerċjali tal-Gvern

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

F’Marzu tal-2022 fil-Manifest Malta Flimkien il-Partit Laburista kien wiegħed li jrid jagħti serħan il-moħħ lin-negozji żgħar u kbar li jikru propjetajiet mingħand il-Gvern. Dakinhar tajna ħarsa lura lejn il-proġett pilota li konna wettaqna biex kirjiet kummerċjali fil-Belt Valletta jinbidlulhom fi ċnus ta’ 45 sena u dan il-proġett kien wieħed ta’ suċċess.

Issa, bil-miżura li ħabbart ftit ġranet ilu, din l-iskema se tkun qed tiġi estiża għal Malta kollha biex kull min għandu titlu ta’ propjeta kummerċjali tal-Gvern jew jekk huwa operatur ta’ propjeta kummerċjali mikrija mingħand il-Gvern, ikollhom iċ-ċens estiż b’50 sena.

L-iskema l-ġdida daħlet fis-seħħ permezz ta’ Avviż Legali ppubblikat apposta fil-gazzetta tal-Gvern u fil-jiem li ġejjin mistennija tibda kampanja ta’ informazzjoni biex dawk li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema li ser titmexxa mill-Awtorita tal-Artijiet ikunu jafu kif jistgħu japplikaw għaliha. 

Dawk li fil-ġurnata li fiha daħlu fis-seħħ ir-regolamenti kellhom konċessjoni li tttihom titlu ta’ ċens fuq propjeta kummerċjali tal-Gvern jistgħu japplikaw biex jestendu ċ-ċens tagħhom b’50 sena.

Jistgħu japplikaw ukoll dawk li għandhom kirja ta’ propjeta kummerċjali tal-gvern mogħtija lilhom mill-Awtorita tal-Artijiet jew li għandha t-titlu ta’ casa bottega. Kategorija oħra li ħa tibbenefika hija dik ta’ persuni li għandhom ftehim operazzjonali fis-seħħ mal-inkwilin li permezz tiegħu ikunu awtorizzati joperaw dik il-propjeta.

Ħadna ħsieb li mal-Avviż Legali nippubblikaw skeda li fiha qed ngħidu li tip ta’ propjetajiet kummerċjali tal-Gvern li se jkunu aċċettati biex japplikaw taħt din l-iskema. Bħala gwida ħadna s-sistema użata mill-Awtorita tal-Ippjanar magħrufa bħala Use Classes Order u rajna liema kategoriji ta’ din l-iskeda jistgħu japplikaw għall-iskema tal-estensjoni taċ-ċnus b’ħamsin sena. Fost dawn insibu postijiet mhux residenzjali, postijiet edukattivi, akkomodazzjoni turistika, lukandi, uffiċini, ħwienet li jbiegħu bl-imnut, stabbilimenti tal-ikel u x-xorb, u binjiet li għandhom x’jaqsmu ma’ industrija ħafifa u ta’ ħażna jew distribuzzjoni. 

Hemm imbagħad binjiet kummerċjali li huma propjetajiet tal-Gvern li ma jaqgħux f’dawn il-kategoriji imma li għal li skop ta’ dan l-Avviż Legali se jibdew jitqiesu bħala kummerċjali. 

Meta konna qed infasslu din l-iskema studjajna ħafna fid-dettal mhux biss kif ħa nimplimentawha imma wkoll kif tista’ tkun ta’ l-akbar benefiċċju għal dawk li japplikaw għaliha. Ridna niżguraw ruħna li permezz tagħha, is-sidien ta’ dawn il-propjetajiet jingħataw l-aqwa opportunita li jkomplu jiżviluppaw l-investiment tagħhom f’dawn il-propjetajiet waqt li fl-istess ħin ikollhom is-serħan il-moħħ li ħadd m’hu ser jiġi u jeħdilhom lura din il-propjeta, ħabta u sabta.

B’ċens estiż b’ħamsin sena, dawk li jkunu qed jinvestu f’dawn il-binjiet kummerċjali propjeta tal-Gvern, jkunu jistgħu imorru quddiem il-banek u jiksbu l-finanzjamenti meħtieġa biex iwettqu l-proġetti ambizzjużi tagħhom għan-negozju li jaħdmu fih b’tant għożża u dedikazzjoni.

L-appoġġ tagħna lil dan is-settur huwa mnebbaħ minn dak li dejjem emminna li meta nkunu qed ninċentivaw lin-negozju nkunu fl-istess ħin qed inkomplu nsaħħu l-ekonomija tagħna u fl-istess waqt, bit-tkabbir ekonomiku li jirriżulta nkunu nistgħu nkomplu nsostu l-benefiċċji u l-miżuri li nagħtu f’kull budget lill-ħaddiema u lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta. Nemmnu bis-sħiħ fl-importanza li l-qasam tan-negozju u l-kummerċ għandhom ikunu sostnuti b’inċentivi ta’ din ix-xorta ħalli bis-sehem tagħhom lejn l-ekonomija tal-pajjiż nkunu nistgħu nkomplu nagħtu kwalita ta’ ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin.

Ekonomija

Sport