Saturday, November 9, 2024

Serie A: Analiżi tal-ewwel żewġ programmi

Aqra wkoll

Minn ADRIAN DALLI

Il-kampjonat Taljan rritorna f’Awwissu wara il-waqfa tradizzjonalli tas-sajf. F’dan l-artiklu se jkun qed jiġi analizzat l-andament ta’ l-ewwel jumejn mill-kalendarju uffiċċjali tas-Serie A għall-istaġun 2023/2024.

Bix-xieraq li wieħed jibda biex janalizza l-ewwel żewġ logħbiet taċ-champions preżenti Napoli. Tajjeb li wieħed jgħid li it-tim ta’ Napoli baqa kważi fl-intier tiegħu l-istess bħall-istaġun l-ieħor. Wieħed pero ma jistax ma jsemmix it-tluq tal-kowċ Luciano Spalletti (ngħaqad mat-tim Taljan) kif ukoll it-tluq tal-kolonna difensiva Kin-Minjae (ngħaqad ma Bayer Munich). Dawn iż-żewġ komponenti importanti ġew sostitwiti mill-kowċ Rudy Garcia kif ukoll mid-difensur Brażiljan Nathan. Minkejja dan it-tibdil, Napoli bdew il-kampjonat b’mod konvinċenti b’rebħiet fuq Sassuolo u Frosinone. Spikka il-plejer Osimhen fejn żamm ir-rendiment ta’ l-istaġun l-ieħor billi skorja tliet gowls f’dawn iż-żewġ logħbiet.

It-tim ta’ Milan ukoll fetaħ il-kampjonat b’żewġ rebħiet fuq it-timijiet ta’ Bologna u Torino. Wieħed ma jistax ma jsemmiex in-numru ta’ plejers konsiderevoli li xtraw it-tim ta’ Milan f’dan is-suq ta’ trasferimenti. L-aktar pleyer li spikka f’dawn iż-żewġ logħbiet kien l-Amerikan Pulisic li ukoll skorja f’kull logħba s’issa tal-kampjonat. Minkejja is-suq tajjeb tat-trasferimenti li kellhom Milan, wieħed irid jara x’impatt se jkollu fuq it-tim it-tluq ta’ Tonali li kien kolonna f’nofs il-grawnd tat-tim Milanist. Filfatt dan il-pleyer ngħaqad mat-tim ta’ Newcastle, tim li qiegħed dejjem jissaħħaħ biex jisfida lit-timijiet ta’ fuq ta’ l-Ingilterra.

Tim ieħor li spikka billi rebaħ l-ewwel żewg logħbiet tal-kampjonat kien it-tim ta’ l-Inter li rebaħ lil Monza u Cagliari rispettivament. Mingħajr l-ebda dubju f’dan is-sajf spikkat it-telenovela Lukaku li finalment spiċċa biex ngħaqad mat-tim ta’ Roma. M’hemmx dubju li ħafna mir-responsabilita’ ta’ l-attakk se taqa’ fuq l-ispallejn ta’ l-Arġentin Lautaro Martinez li se jkollu iż-żewġ akkwisti ġodda Thuram (it-tifel ta’ Lilian Thuram) u Arnautovic (li kien fit-tim Interist ta’ Mourinho) jgħinuh fl-attakk ta’ l-Inter.

It-tim ta’ Lazio kellu bidu kemmxejn diżżapuntanti. Filfatt dan it-tim għadu mingħajr l-ebda punt dan l-istaġun. Ta’ min isemmi li qed iberraq ukoll bejn il-kowċ Sarri u il-President Lotito.  Hawnhekk wieħed ma jistax ma  jsemmix l-impatt li qed ikollu il-pajjiż ta’ Saudi Arabia fuq il-klabbs Ewropej. Filfatt Lazio tilef wieħed mill-pilastri tat-tim f’dawn l-aħħar snin ċioe is-Serb Milinkovic Savic li  ngħaqad mat-tim ta’ Al-Hilal. Wieħed irid ikompli jara kif se jiżviluppa dan il-fenomenu li qed ikollu mpatt kbir fuq l-ippjanar tat-timijiet Ewropej.

It-tim ta’ Roma akkwista punt wieħed biss minn żewġ logħbiet. Kif diġa semmejna aktar il fuq wieħed irid jevalwa l-impatt ta’ Lukaku fit-tim Ruman speċjalment kif se jkun qed jiffunzjona ma l-Arġentin Dybala f’dan it-tim. Tajjeb pero li jingħad li il gallo Belotti kellu ftuħ ta’ staġun pożittiv billi skorja diġa żewġ gowls f’dan il-kampjonat.

Xtaqt nagħlaq dan l-artiklu billi nagħmel referenza wkoll għat-tim ta’ Verona li ukoll fetaħ l-istaġun b’mod pożittiv b’żewġ rebħiet waħda minnhom fuq it-tim ta’ Roma. Jidher li il-kowċ il-ġdid Baroni kellu impatt ferm pożittiv s’issa u wieħed irid jara dan it-tim x’se jagħmel fil-futur qarib.

Sport