Wednesday, December 25, 2024

Serie A: Iċ-champions Milan jibdew f’darhom kontra Udinese

Aqra wkoll

Meta s-Sibt jitla’ s-siparju tas-Serie A, iċ- champions Milan jibdew id- difiża tagħhom f’darhom kontra Udinese.

Bla dubju, iż-żewġ sfi­danti ewlenin se jkunu Inter u Juventus hekk kif n-Nerazzurri jmorru jilagħbu għand Lecce filwaqt li Juventus jospitaw lil Sas­suolo.

Min-naħa ta’ Roma, dawn mistennija jkunu outsi­ders wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat huma saħħew l-iskwadra tagħhom.

Milan v Udinese – Milan jibdew id-difiża tat-titlu b’logħba delikata kontra Udinese.

It-team immexxi minn Stefano Pioli huwa konxju li se tkun diffiċli biex jirrepeti s-suċċess tal-istaġun li għadda fejn spikka l-kollettiv.

Ir-Rossoneri saħħew l-is­kwadra tagħhom bl-ak­kwisti ta’ Alessandro Flo­renzi, Divock Origi, De Ketelaere, Yacine Adli filwaqt li d-diriġenti tal-club qed jiddiskutu t-tiġdid ta’ Rafael Leao.

Min-naħa tagħhom, Udinese ħadu diversi players mhux daqstant magħrufa għalkemm xorta se jippruvaw jagħtu sfida lill-avversarji tagħhom.

Huma ħatru wkoll coach ġdid, Andrea Sottil, fit-tentattiv li jtaffu d-diżappunt tal-istaġun li għadda fejn setgħu jispiċċaw biss fit-12-il post tal-klassifika.

Milan m’għandhom l- eb­da problemi filwaqt li Udinese għandhom neqsin lill-imweġġgħin Torglay Ar­slan u Leonardo Buta.

Lecce v Inter – Inter iridu jinsew id-diżappunt tal-istaġun li għadda meta kien lejn it-tmiem li ċedew l-armi hekk kif kienu l-aktar favo­riti li jirbħu l-kampjonat.

Huma jibdew din il-maratona għand it-team promoss ta’ Lecce fejn jimmiraw għal bidu pożittiv.

Għan-Nerazzurri jirritor­na l-iskorer prolifiku Romelu Lukaku, li wara l-esperjenza xejn sabiħa ma’ Chelsea, reġa’ jinsab jilgħab fi Stadio San Siro. Magħhom ingħaqdu wkoll Henrikh Mkhitaryan,  Dalbert Henrique u l-goalkeeper Andre Onana.

Lecce għandhom l-għan li jissieltu sabiex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni Taljana fejn fost l-iktar akkwist attraenti li għamlu kien Gianluca Frabotta mingħand Juventus.

Il-coach ta’ Inter, Simone Inzaghi, m’għandux proble­mi ta’ players imweġġgħin iżda l-kontraparti tiegħu,  Marco Baroni, se jkollu jgħaddi mingħajr  Johann Elgason, Alessandro Tuia u Kastriot Dermaku li qed jirkupraw minn injury.

Juventus v Sassuolo – Juventus jittamaw li jkollhom staġun ferm aħjar minn dak preċedenti.

L-ewwel impenn tagħ­hom hu dak f’darhom kontra Sassuolo.

Il-Bianconeri kienu attivi f’dan is-suq tat-trasferimenti meta reġgħu kisbu lura lil Paul Pogba mingħand Manchester United għalkemm bħalissa jinsab imweġġa’. Fl-istess waqt ħadu wkoll lil Angel di Maria, Filip Kostic u Geison Bremer.

Sassuolo wkoll kellhom staġun diżastruż u għalhekk iridu jpattu għal dan id-diżappunt.

Huma għadhom kemm akkwistaw lil Andrea Pinamonti mingħand Inter fost l-iktar akkwisti prestiġjużi li għamlu.

Il-coach ta’ Juventus Massimiliano Allegri għandu numru ta’ players li jinsabu barra mill-azzjoni fosthom Adrien Rabiot, Wojciech Szczesny, Paul Pogba, Kaio Jorge u Federico Chiesa.

Min-naħa tagħhom, Sas­suolo għandhom lill-players kollha għad-disposizzjoni tal-coach Alessio Dionisi.

Salernitana v Roma – Roma jmorru għand Salernitana f’partita li hija meqjusa delikata.

Ir-Romanisti jimmiraw li jkomplu fejn ħallew fl-istaġun li għadda hekk kif saru l-ewwel team li rebħu l-kompetizzjoni tal-UEFA Con­ference League.

Taħt it-tmexxija tal-coach, José Mourinho, huma akkwistaw lil Paulo Dybala, Nemanja Matic u Georginio Wijnaldum fost l-akkwisti li għamlu … li jagħmluhom outsiders għar-rebħ tat-titlu.

Fil-każ ta’ Nicoló Zaniolo, dan kien qed jissemma’ li seta’ jingħaqad ma’ Tottenham iżda Mourinho mblokka dan it-trasferiment.  Hu­wa se jkollu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni.

Verona v Napoli – Napoli jilagħbu barra minn darhom kontra Verona fejn se jippruvaw jiksbu l-ewwel tliet punti ta’ dan l-istaġun.

It-team immexxi minn Luciano Spalletti jinsabu attivi ferm f’dan is-suq tat-trasfermenti tas-sajf meta akkwis­taw lill-goalkeeper Salvatore Sirigu, Leo Ostigard u Kim min-Jae.

Il-coach Spalletti daħħal filosofija ġdida fil-club fejn se jibbaża fuq il-kollettiv aktar milli fuq ismijiet partikolari.

Verona jittamaw li jkunu sfida denja għall-Partenopei fejn kisbu wkoll diversi players bl-aktar prominenti jkunu Milan Djuric u Mert Cetin.

Napoli għandhom lil Matteo Politano imweġġa’ filwaqt li Verona għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni.

Ekonomija

Sport