Wednesday, March 27, 2024

James Sciriha u Rachel Borg jirbħu l-Eurosport BSJ 5km Road Running

Aqra wkoll

Is-sensiela ta’ tliet tlielaq imtella’ minn Birkirkara St Joseph Sports Club bejn ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu waslet għall-finali nhar it-Tlieta filgħaxija fuq l-Imtarfa By-Pass.

It-tellieqa annwali tas-sajf, li rritornat wara assenza ta’ sena, ipprovdiet tlielaq mimlija tattiċi mit-tliet atleti li kienu qegħdin fuq quddiem biex jirbħu s-Sensiela.  

Kif wieħed kien qed jistenna James Sciriha, Aaron Mifsud u Mario Grech kienu qed jikkompetu għar-rebħa tal-ġurnata għalkemm il-preżenza ta’ Matthew Xuereb ma għaddietx inosservata u ma kellhiex tiġi sottovalutata.

Wara l-ewwel dawra Mifsud u Sciriha kienu għonq ma’ għonq, bi Xuereb u Grech warajhom. Il-pożizzjonijiet inbidlu ftit wara l-ewwel dawra meta Sciriha ħa postu fuq quddiem biex jnaqqas id-distakk bejnu u bejn Mifsud.

Dawn il-pożizzjonijiet inżammu sal-aħħar meta Sciriha kien l-ewwel li spiċċa t-tellieqa u fil-proċess rebaħ s-Sensiela wkoll. Warajhom, id-distakk bejn Xuereb u Grech kien kiber, bi Xuereb jieħu vantaġġ fuq Grech.

Madankollu fl-aħħar metri tal-aħħar dawra, spinta minn Grech ratu jgħaddi lil Xuereb biex spiċċa fit-tielet post.

Rachel Borg, rebbieħa tat-tellieqa ta’ qabel, marret fuq quddiem mill-bidu. Marija Cumbo li wkoll kellha post fuq il-podju fit-tieni tellieqa kienet wara Borg, filwaqt li Francesca Arrigo kienet warajhom biex tieħu postha fuq il-podju.

Ma kien hemm l-ebda tibdil f’dawn il-pożizzjonijiet matul it-tellieqa b’Borg tispiċċa tirbaħ it-tellieqa u s-Sensiela. 

It-trofej lir-rebbieħa ġenerali u tal-Age Group ġew ippreżentati mill-president tal-club, Ray Grech, li wera s-sodisfazzjon tiegħu li din is-sensiela saret għal darb’oħra.

“Din it-tellieqa hija popolari fost l-atleti, minkejja li hija off-season u l-parteċipazzjoni wriet li l-kommunità kienet tilfet dan l-appuntament annwali fl-Imtarfa,” qal is-Sur Grech.

Ir-riżultati ġenerali tal-Eurosport BSJ 5km Road Running Series huma:

IRĠIEL – L-ewwel: James Sciriha; It-tieni: Aaron Mifsud; It-tielet: Mario Grech.

NISA – L-ewwel: Rachel Borg; It-tieni: Marija Cumbo; It-tielet: Francesca Arrigo.

L-impenji fid-dixxiplina tal-atletika tal-club se jerġgħu lura fil-25 ta’ Novembru meta ssir il-Malta International Challenge Marathon. 

Ir-reġistrazzjoni għal din it-tellieqa hija miftuħa u l-miżati ta’ early bird se jibqgħu għaddejjin sal-31 ta’ Awwissu.  Ir-reġistrazzjoni onlajn hija disponibbli permezz ta’ din il-link – https://bsj.mt/event/2022-eurosport-malta-international-challenge-marathon/

Il-club irringrazzja lil Eurosport, Transport Malta u lill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa għall-appoġġ tagħhom lejn din is-Sensiela.

Ir-riżultati uffiċjali jistgħu jinstabu permezz ta’ din il-link – https://my.raceresult.com/208189/results.

Ekonomija

Sport