Wednesday, May 15, 2024

Premier League: Chelsea v Tottenham l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Premier League: Iż-żewġ timijiet ta’ Londra, Chelsea u Tottenham, huma l-akbar attrazzjoni me­ta fi tmiem il-ġimgħa tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Premier League Ingliż waqt li ċ-champions Manchester City jilqgħu lil Bournemouth u Liverpool jos­pitaw lil Crystal Palace.

Aston Villa v Everton – Din il-logħba se tlaqqa’ żewġ timijiet li bdew fuq nota negattiv meta sfaw fuq in-naħa telliefa, Aston Villa kontra Bournemouth bl-iskor ta’ 2-0 u Everton kontra Chelsea 1-0.

Frank Lampard jinsab iddisprat biex isaħħaħ it-team ħalli ma jinqabadx fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Arsenal v Leicester – Dawn iż-żewġ timijiet bdew b’riżultati differenti b’Arsenal jegħlbu lil Crystal Pa­lace 2-0 f’logħba li kienet il-preludju tal-ewwel ġurnata minħabba li ntlagħbet il-Ġimgħa waħedha.

Min-naħa ta’ Leicester huma fallew żewġ punti prezzjużi meta ġew draw f’darhom kontra Brentford fejn ħallew vantaġġ komdu ta’ 2-0 jisparixxi meta l-Bees marru lejn darhom bi draw ta’ 2-2.

Brighton v Newcastle – Brighton ma setax kel­lhom bidu aktar spettatolari milli kellhom meta għelbu lil Manchester  United 2-1 f’Old Trafford. Huma fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals bil-United inaqqsu d-distakk aktar tard fit-tieni taqsima, iżda ma kellhomx petrol biżżejjed fit-tank biex jiksbu d-draw.

Man C. v Bournemouth – Iċ-champions jidhru li se jerġgħu jkunu qed jissieltu għar-rebħ tat-titlu, l-iktar issa li kisbu lill-attakkant stilla Norveġiż, Erling Haaland, li l-Ħadd li għadda kontra West Ham skorja ż-żewġ goals fir-rebħa 2-0 bl-ewwel wieħed jasal minn penalty u l-ieħor meta ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkee­per.

Min-naħa tagħhom iċ- Cherries kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 kontra Aston Villa fejn anke hawn il-mana­ger tagħhom, Scott Parker, waqgħu bih u ġew promossi bih.

Southampton v Leeds – Is-Saints sofrew l-ikbar telfa meta sfaw megħluba 4-1 minn Tottenham wara li kienu huma li fetħu l-iskor waqt li Leeds kienu fuq in-naħa rebbieħa meta għelbu lil Wolves 2-1 f’Elland Road.

Il-manager Awstrijak, Ralph Hussenhuttl, irid joqgħod attent għal postu għax diġá qed jissemma’ fost dawk li jistgħu jitkeċċew kmieni fl-istaġun.

Wolves v Fulham – Wara kważi staġun jokkupaw is-seba’ jew it-tmien post Wolves kellhom id-diżappunt li jispiċċaw fl-10 post wara li mill-aħħar 14-il logħba tilfu disgħa minnhom. Illum mistenni li jiddebutta l-akkwist il-ġdid, Goncalo Guedes, li ħadu mingħand Valencia kmieni din il-ġimgħa.

Min-naħa ta’ Fulham hu­ma għamlu bosta akkwisti fosthom Joao Palhinha mingħand Sporting Lisbon li kien ilu jinteressa lil Wolves. Huma kellhom prestazzjoni tajba kontra Liverpool fl-ewwel logħba meta kienu darbtejn minn fuq b’goals ta’ Alexandar Mitrovic iżda finalment spiċċaw draw 2-2.

Brentford v Man U. – Il-Bees se jilqgħu lir-Red Devils wara d-draw li kel­lhom kontra Leicester waqt li l-United bdew bit-telfa nsemmija aktar ‘il fuq kontra Brighton.

Għaldaqstant il-mana­ger Erik ten Hag irid jara x’jagħmel għax s’issa t-team ma wera xejn speċjali, meta anke kontra Brighton kien qisu qed ikompli fuq l-istaġun li għadda.

Christian Eriksen jiffaċ­ċja lill-ex team tiegħu, Brentford, li tawh iċ-ċans jirritorna jilgħab regolari wara l-attakk kardjaloġiku.

Nottm F. v West Ham – Din hija logħba bejn żewġ timijiet li bdew b’telfa, Nottingham Forest 2-0 għand Newcastle u West Ham bl-istess skor kontra Manchester City.

Il-Forest għamlu madwar 12-il akkwist wara li kisbu l-promozzjoni u xorta qed jissemmew li jistgħu jiġu relegati waqt li min-naħa tal-Hammers huma tilfu kontra ċ-champions u għalhekk ma kinitx telfa li tħammar l-uċuh bit-Taljan Gianluca Scamacca jrid iż-żmien biex jidħol fl-ambjent tal-football Ingliż.

Chelsea v Tottenham – L-aħħar logħba tal-Ħadd se tara lil Chelsea jiffaċċjaw lil Tottenham fi Stamford Bridge biż-żewġ timijiet għad iridu jissetiljaw meta għandhom bosta players ġodda.

Huma t-tnejn bdew b’rebħa u għalhekk rebħa oħra tkompli tgħollilhom il-moral u tarahom ma’ ta’ fuq fil-klassifika.

Il-manager Antonio Conte jaf jissorprendi bħal ma għamel ma’ Chelsea me­ta wassalhom għar-rebħ tal-Premier League waqt li Thomas Tuchel qed jagħmel taqliba fit-team tant li anke jrid lil Frenkie de Jong mingħand Barcelona.

Liverpool v C. Palace – Finalment il-programm jin­għalaq nhar it-Tnejn meta Liverpool jospitaw lil Cry­stal Palace biż-żewġ timijiet ma jirbħux fl-ewwel ħarġa, Liverpool miżmuma minn Fulham u l-Palace megħluba minn Arsenal.

Sport