Meta jintlagħab il-programm ta’ qabel il-Milied, jiġifieri, is-17-il ġurnata tas-Serie A, il-leaders Atalanta mistennija li jibqgħu fil-quċċata meta jospitaw lil Empoli.
Min-naħa ta’ Napoli, li jinsabu fit-tieni post, imorru għand Genoa, f’partita meqjusa delikata.
Atalanta v Empoli – Friski mir-rebħa ta’ 6-1 fuq Cesena fl-Aħħar 16 tal-Coppa Italia, Atalanta jibdew favoriti meta jilqgħu lil Empoli li jinsabu fl-10 post.
Il-Bergamaschi qed ikollhom staġun eċċezzjonali meta kontra kull mistenni jinsabu jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika … bl-attakkant, Matteo Retegui, s’issa skorja xejn inqas minn 12-il goal.
Huma għandhom lil Marten De Roon sospiż filwaqt li Gianluca Scamacca, Giorgio Scalvini, Isak Hien u El Bilal Toure, qed jirkupraw minn injury.
Genoa v Napoli– Napoli jmorru fir-reġjun ta’ Liguria biex jiltaqgħu kontra Genoa fejn jittamaw li Atalanta jiżolqu.
It-team immexxi mill-coach, Antonio Conte, ġej minn rebħa ta’ 3-1 għand Udinese u jinsab żewġ punti biss bogħod mill-Bergamaschi.
S’issa l-attakkant internazzjonali Belġjan, Romelu Lukaku, qed jaqdi sew il- ħtiġijiet tal-Partenopei meta skorja sitt goals li minnhom kellu bosta deċiżivi.
Genoa jinsabu fit-13-il pożizzjoni meta kisbu 16-il punt minn daqstant partiti.
Iżda meta jilagħbu f’darhom huma dejjem ikunu sfida denja u għaldaqstant in-Naplitani jridu juru rispett lejn l-avversarji tagħhom.
Napoli ma jistgħux jużaw lil Michael Folorunsho, Alessandro Buongiorno, Kvicha Kvaratskhelia u Pasquale Mazzocchi għax jinsabu mweġġgħin.
Genoa ma jistgħux jużaw lil Koni de Winter, Caleb Ekuban u Ruslan Malinovsky.
Inter v Como – Wara li rreġistraw l-akbar rebħa s’issa meta barra minn darhom għelbu lil Lazio bl-iskor ta’ 6-0, Inter m’għandhomx ifallu meta jilqgħu lil Como li jinsabu fis-16-il post.
In-Nerazzurri jinsabu tliet punti taħt Atalanta iżda jridu jirkupraw partita u għaldaqstant jimmiraw li jibqgħu fid-dell ta’ Atalanta.
Huma jibdew favoriti minkejja li għandhom lista’ ta’ players imweġġgħin – Nicoló Barella, Francesco Acerbi, Benjamin Pavard, Raffaele di Gennaro, Eddie Salcedo, Zinho Vanheusden, Valentin Carboni u Martin Satrino.
Min-naħa tagħhom, Como ma jistgħux jinkludu lil Alberto Moreno li qed jirkupra minn injury.