Ixxamplati fil-quċċata tas- Serie A meta għandhom vantaġġ ta’ disa’ punti b’partita inqas, il-leaders Inter għandhom logħba meqjusa faċli meta fis-26 ġurnata jmorru jilagħbu għand Lecce filwaqt li Juventus, li jinsabu fit-tieni post, jilqgħu lil Frosinone.
Lecce v Inter – Inter, li għaddejjin minn mument maġiku, mistennija li jkomplu bis-sensiela pożittiva ta’ rebħ meta, barra minn darhom, jaffrontaw lil Lecce.
In-Nerazzurri bħal donnhom li ħadd ma jista’ jwaqqafhom hekk kif f’din is-sena kalendarja kisbu sitt rebħiet minn daqstant partiti fil-kampjonat, rebħu s- Super Cup Taljana bl-iskor ta’ 1-0 fuq Napoli, kif ukoll għelbu lil Atletico Madrid bl-iskor ta’ 1-0 valida mill- ewwel leg tal-Aħħar 16 tal- UEFA Champions League.
Dan ifisser li l-Interisti litteralment insew kif jitilfu. Il-fatt li huma qed jiġru bil-kampjonat jagħmel lit-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, wieħed mill-aktar timijiet b’saħħithom fl-Ewropa fil-preżent.
L-għan ewlieni ta’ Lecce huwa li jevitaw ir-relegazzjoni hekk kif bħalissa jinsabu erba’ punti biss ‘il bogħod miż-żona l-ħamra.
Bla dubju, huma jinsabu konxji li se tkun missjoni impossibbli iżda l-football huwa tant imprevidibbli li kollox jista’ jseħħ.
Inter għandhom barra lil Francesco Acerbi u Juan Cuadrado filwaqt li Lecce ma jistgħux jinkludu lil Lameck Banda, Federico Brancolini u Kastriot Dermaku minħabba li kollha huma mweġġgħin.
Juventus v Frosinone – Anke jekk huwa tard wisq, Juventus iridu jirritornaw għar-rebħ meta jospitaw lil Frosinone li jinsabu fil-15-il post u mhedda bl-inkwiet tar-relegazzjoni.
Fil-veritá, il-Bianconeri għaddejjin minn kriżi minħabba li f’dawn l-aħħar erba’ partiti kisbu biss żewġ punti biex ċedew l-inizjattiva lil Inter u għaldaqstant huwa biss miraklu biex in-Nerazzuri jitilfu r-rebħ tal-Iscudetto.
Telfa għal Juventus tagħmel it-triq aktar faċli għal Inter biex jirbħu l-kampjonat aktar kmieni milli kien imbassar.
Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizz ta’ Danilo, Mattia Perin, Moise Kean u Mattia de Sciglio filwaqt li Frosinone għandhom neqsin li Fares Ghedjemis, Mateus Lusardi, Kevin Bonifazi, Marvin Cuni, Anthony Oyono, Riccardo Marchizza u Sergio Kalaj … kollha minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Milan v Atalanta – Milan għandhom konfront dirett kontra Atalanta li qed jissieltu għal post mal-ewwel erbgħa.
Jekk il-Bergamaschi joħorġu rebbieħa huma jnaqqsu d-distakk għal erba’ punti fil-konfront ta’ Milan bil-possibbiltá li saħansitra jisfidaw ukoll għat-tielet post.
Davide Calabria, Fikayo Tomori, Tommaso Pobega u Pierre Kalulu huma neqsin għal Milan filwaqt li Atalanta għandhom barra lil Ademola Lookman u Jose Luis Palomino li qed jirkupraw minn injury.